Pullicino jakkuża lill-Gvern li qed jiddevja għax inqabad jigdeb

Il-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabiltà politika talli l-Gvern inqabad jigdeb, billi qabel l-elezzjoni ġenerali ddeskriva kemm-il darba l-impjant tal-BWSC fil-powerstation ta’ Delimara bħala “fabbrika tal-kanċer” u fl-aħħar jiem iddeskrivih, f’rapport lill-Kummissjoni Ewropea, bħala impjant ta’ enerġija nadifa.
Id-deputat Nazzjonalista George Pullicino, fil-ħin tal-Aġġornament fil-Parlament illejla, saħaq li jew Joseph Muscat kien qed jigdeb qabel l-elezzjoni jew qed jigdeb issa lill-Kummissjoni Ewropea.
Akkuża lill-Ministru Konrad Mizzi u lill-Gvern Laburista li qed jiddevja l-attenzjoni tal-pubbliku billi pprova jimplikah personalment fl-għoti ta’ tender. Qal li hu m’għandu xejn x’jaħbi tant li mar minn jeddu għand il-Pulizija b’dikjarazzjoni.
Irrepeta li hu bħala Ministru qatt ma ndaħal fl-għoti ta’ tenders imma kien ikun hemm bord apposta ta’ aġġudikazzjoni. Qal ukoll li l-ittra ppreżentata lill-kumpanija Spanjola kienet waħda pubblika tant li kienet tħabbret f’dawk iż-żmenijiet. Bil-maqlub, sostna, għadhom mhumiex pubbliċi l-ftehim li l-Gvern iffirma mal-kumpanija Ċiniża dwar il-powerstation