Pulizija mweġġa’ u surġent migdum fil-Mosta

Żewġ persuni qed jinżammu arrestati wara li darbu uffiċjali tal-Pulizija u anke ħebbew għal uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet u tal-Animal Welfare.
Il-każ seħħ dalgħodu fil-Busbesija, limiti tal-Mosta, meta l-uffiċjali marru biex jiżgumbraw liż-żewġt irġiel li kienu qed jokkupaw post li mhux tagħhom.
Jidher li l-irġiel ilhom xhur jiġu mwissija u dalgħodu l-uffiċjali marru fuq il-post u ordnaw lill-irġiel biex joħorġu huma u l-annimali tagħhom minn dawn il-kmamar.
L-irġiel iżda rreżistew lill-uffiċjali.
Intant, l-Ispettur Sandro Camilleri, President tal-Police Officers’ Union fi ħdan il-GWU qal li diversi pulizija soffrew ġrieħi u s-Surġent Juan Mula spiċċa migdum minn wieħed mill-irġiel.
Fil-fatt qal li qed isiru testijiet minħabba mard infettiv.
Għal-iżgumbrar kien hemm Pulizija mill-ALE, RIU u anki mill-Kavallerija peress li kien hemm xi zwiemel mizmuma.