Pulizija mhux ħatja ta’ “trattament inuman” meta ġiegħlu suspettata tfittex fl-ippurgar tagħha

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Qorti ċaħdet rikors imressaq minn mara Olandiża li kellha d-drittijiet fundamentali tagħha miksura wara li fuq suspett tal-Pulizija li kienet qed iġġorr id-droga, ġiet imġiegħla li tipporga u tfittex fl-istess ippurgar tagħha.

Il-każ imur lura għat-18 ta’ Novembru 2015 meta Jennifer Koster, waslet Malta fuq titjira mill-Ġermanja, wara li kienet telqet mill-Olanda.

Wara li ħarġu mill-ajruport, hi u s-sieħeb tagħha twaqqfu minn tliet karozzi tal-Pulizija, misjuqa wkoll minn persuni pajżana.

Koster qalet li konsegwenza tal-aġir aggressiv ta’ dawn il-persuni, saqu minn fuq il-post bil-biża’ u twaqqfu għal darb’oħra.

Hi kienet qalet li l-Pulizija użaw aġir sproporzjonat magħha u li aktar tard spiċċat immanettjata u skortata lejn l-Isptar Mater Dei.

Fl-isptar saritilha tfittxija intensiva u sarulha eżamijiet oħra fosthom eżamijiet fil-partijiet intimi tagħha. Hija ngħatat ukoll mediċina biex tiffaċilita l-proċess tal-ippurgar fejn wara ġiet imġiegħla tagħmel tfittxija hi stess fil-materjal b’mod umiljanti, imbarazzanti, degradanti u inuman.

Sadanittant Koster kienet rilaxxata mill-arrest wara madwar 16-il siegħa, fejn l-investigazzjonijiet kollha li saru fuqha, irriżultaw fin-negattiv. Hija qalet li l-arrest tagħha kien wieħed illegali anke skont l-Artiklu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Qalet li tali arrest ma kienx fuq suspett raġonevoli.

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Joseph R. Micallef qal li filwaqt li f’ċertu punt tas-saga tagħha, hija kellha raġun tħossha umiljata, madanakollu l-Pulizija kellha informazzjoni li s-sieħeb tagħha kien involvut fit-traffikar tad-droga u hi kienet kompliċi miegħu. L-Imħallef qal li t-tnejn waslu mill-Olanda, post magħruf għat-tolleranza għal ċertu droga. Il-fatt li huma saqu lejn l-Imrieħel, żona industrjali u mhux lejn id-dar saħħaħ is-suspett tal-Pulizija.

Il-Pulizija mxew mal-proċedura billi l-ewwel ġabru l-mandat ta’ tfittxija u arrest mingħand il-Maġistrat tal-Għassa qabel ma arrestawhom. Koster ma nżammitx iktar minn 48 siegħa skont il-liġi, waqt li t-trattament inuman waqt l-arrest kienet interpretazzjoni suġġettiva.