Filmat: Pulizija jsalva l-ħajja ta’ tifla ta’ sentejn li kienet qed tifga

Read in English.

Kuntistabbli salva ħajjet tifla ta’ sentejn li kienet qiegħda tifga.

Dan ġara nhar it-Tnejn li għadda fis-7.30pm meta l-uffiċjal tal-pulizija tal-komunità Andrew Caruana kien qiegħed fuq ronda bil-pass fi Triq San Publiju, ir-Rabat.

Hu sema’ kommossjoni ġejja minn residenza privata u għalhekk ħabbat il-bieb u staqsa x’kien qed jiġri u jekk jistax jgħin. Hemmhekk sab tifla li dehret qed tbati biex tieħu n-nifs u nduna li kienet qiegħda tifga f’xi ħaġa.

Hu beda jtiha l-ewwel għajnuna sakemm ħarġet biċċa laħam minn ħalqha. It-tifla dehret li bdiet tirkupra mill-ewwel però xorta ttieħdet għand tabib għall-osservazzjoni.

Iżjed tard, il-Kuntistabbli Caruana ġie infurmat mill-familja li t-tifla tinsab f’qagħda tajba u li grazzi għall-azzjoni immedjata tiegħu, ġiet salvata l-ħajja ta’ binthom.

Omm it-tifla qalet li bdiet tippanikja u tgħajjat għall-għajnuna, u li l-Bambin bagħat lil Kuntistabbli Caruana għandhom. It-tabib qalilha li ftit sekondi kien fadlilha ħajja bintha. L-omm qalet li ma tafx kif taqbad tirringrazzja lill-pulizija.