Pulizija jmorru f’ristorant, jieklu u ma jħallsux

Raġel li jaħdem f’ristorant fil-Mellieħa rrakkonta esperjenza li għadda minnha waqt li kien qed iservi grupp ta’ persuni l-ġimgħa li għaddiet. Fuq Facebook ir-raġel spjega li grupp ta’ 6 persuni Maltin ibbukkjaw mejda għal sitt persuni fir-ristorant.

Fil-ġurnata mifthema il-grupp ta’ persuni marru jieklu u ordnaw ix-xorb u l-ikel. Wara li kielu l-ewwel platt u wasal it-tieni platt dawn il-persuni bdew jilmentaw li l-ikel kien diżastru, li l-perusna li bdiet isservihom bdiet tegħreq l-għaraq u l-ordni ma kinitx tajba. Il-persuna li kitbet fuq Facebook spjegat li meta mar jara jekk hux qed jieklu, is-sitt persuni kienu qed jieklu. Żied li ħadd mir-ristorant f’dik il-lejla ma kellu l-ebda ilment fuq l-ikel.

Is-sitt persuni baqgħu jilmentaw u r-raġel offrielhom li jibdel l-ikel iżda dawn ma ridux. Wara dan kollu r-raġel offrielhom li ma jħallsux għat-tieni platt iżda jħallsu għall-kumplament. Kif ir-raġel neħħielhom il-platti dawn il-persuni qamu, irrifjutaw li jħallsu u komplew jilmentaw. Ir-raġel baqa’ jsegwihom u meta qallhom li se jċempel lill-Pulizija, il-persuni pruvaw jintimidawh.

Żied li wara ftit huma ħarġu karta li turi li huma pulizija u għamluhielu ma’ wiċċu filwaqt li qalulu li huma pulizija u ma jħallsux. Kompla li meta ra hekk inħasad u beda jaħseb li persuni li suppost jipproteġu ċ-ċittadin qed jieħdu vantaġġ minn din il-karta li turi li huma pulizija. Ir-raġel prova jgħidilhom li jmisshom jistħu bir-risposta tagħhom tkun,  ”mur għand avukat, dan huwa każ ċivili“.

Wara li telaq huwa ċempel lill-Pulizija u kkonfermawlu li dan huwa każ ċivili. L-għada r-raġel mar u rraporta kollox u jittama li dawn il-persuni jieħdu dak kollu li ħaqqhom. Ir-raġel skopra li wieħed mill-pulizija huwa surġent. Spjega wkoll li għad hemm investigazzjoni għaddejja fuq dan il-każ u għalhekk ma jistax isemmi ismijiet iżda jixtieq li juri min huma sabiex ħaddieħor joqgħod attenti minnhom.