Pulizija jidħlu f’residenza wara li t-tifel qal li ommu ma fetħitlux

Pulizija mill-għassa ta’ Bormla kellhom jidħlu f’residenza fi Triq Pietru Pawl Caruana wara li tifel ta’ ħdax-il sena mar għand il-pulizija u qalhom li ommu ma fetħitlux il-bieb tad-dar.

Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-għaxra w’nofs meta t-tifel, minn barra tad-dar, sema’ l-ħuh ta’ ħames snin jibki.

Wara li daħlet fir-residenza, il-pulizija sabet lill-omm ta’ 34 sena mitlufa minn sensieha u wara li ssejħet ambulanza b’tim mediku, il-mara ngħatat l-ewwel għajnuna fuq il-post. Il-mara ġiet f’sensiha ftit tal-ħin wara u rrifjutat li tmur l-isptar Mater Dei.