Pulizija Franċiżi investigati wara li aggredew produttur tal-mużika

Erba’ uffiċjali tal-pulizija Franċiżi tpoġġew taħt investigazzjoni kriminali wara li aggredew raġel ta’ karnaġġjon skur fl-istudio tiegħu f’Pariġi f’Novembru. Ir-raġel huwa produttur tal-mużika. Dan qed ikun irappurtat mill-midja tal-pajjiż.

Filmat li ħareġ il-ġimgħa li għaddiet u kkawża rabja kbira qalb il-pubbliku juri uffiċjali tal-pulizija ta’ karnaġġjon abjad, jattakkaw lil Michel Zecler.

Il-filmat tas-CCTV, li kien ippublikat online il-Ħamis, juri lil Zecler jaqla’ daqqiet ta’ sieq u ta’ ponn minn tliet uffiċjali tal-pulizija fl-istudio tiegħu fil-21 ta’ Novembru.

Ir-raba uffiċjal tal-pulizija jidher qed iwaddab il-gass tad-dmugħ fil-binja.

L-inċident beda b’argument dwar jekk il-produttur kienx liebes maskra jew le, hekk skont kif inhu mitlub minħabba l-pandemija tal-coronviurs.

Il-midja Franċiża kkwotat sorsi ġudizzjarji jgħidu li l-erba’ suspettati qed jaffaċċjaw akkużi ta’ “vjolenza intenzjonata minn persuni f’pożizzjoni ta’ awtorità” u frodi. L-aħħar akkuża għandha x’taqsam mar-rapport li ssottemettew il-pulizija wara l-inċident.

Ir-rapporti fil-midja qalu li filwaqt li l-prosekuturi talbu biex tlieta mill-uffiċjali tal-pulizija jibqgħu jinżammu taħt arrest biex tkun eliminata l-possibilità ta’ kollużjoni, il-Qorti ordnat li tnejn biss jibqgħu jinżammu taħt arrest.

Zecler, li kellu bżonn il-punti, qal li hu kien aggredit ukoll abbażi ta’ mibgħeda razzjali,

Id-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni formali ġiet qalb żieda fit-tħassib fejn tidħol il-vjolenza mill-pulizija fi Franza.

Propju s-Sibt saru diversi protesti madwar il-pajjiż kontra l-abbozz dwar is-sigurtà li jista’ joħloq restrizzjonijiet madwar l-iffilmjar u r-ritratti ta’ pulizija. F’Pariġi kien hemm ukoll ġlied mal-pulizija waqt il-protesti. Persuni li qed jopponu dan l-abbozz qed jgħidu li jekk isir liġi se jagħmilha aktar diffiċli biex wieħed jiddokumenti l-brutalità tal-pulizija.