Pulizija fl-Amerka jitkeċċew talli żżufjettaw bil-mewt ta’ raġel

Aurora Police Department

Tliet uffiċjali tal-pulizija fl-Istati Uniti f’Colorado tkeċċew wara li xerrdu ritratti tagħhom jerġgħu jippużaw b’chokehold li intużat fuq raġel Iswed li spiċċa mejjet.

Skont il-BBC Elijah McClain, żagħżugħ ta’ 23 sena, miet f’Awwissu tal-2019 meta twaqqaf mill-pulizija.

Pulizija ieħor irreżenja minħabba l-kwistjoni. Kap tal-Pulizija lokali qal li r-ritratt lanqas jitwemmen.

Il-każ ta’ McClain reġa’ beda jissemma fid-dawl tal-qtil ta’ George Floyd, raġel Iswed li miet fil-kustodja tal-Pulizija f’Mejju li għadda.

L-aġent kap tal-Pulizija tal-post fejn ġara l-inċident iddeskriviet ir-ritratti bħala reat kontra l-umanità u d-diċenza.

X’ġara fil-każ ta’ Elijah McClain?

McClain kien miexi f’Aurora fl-24 ta’ Awwissu 2019 meta twaqqaf minn tliet pulizija. Jidher li kien sar rapport ta’ persuna suspettuża f’dik iż-żona.

McClain irreżista l-kuntatt mal-pulizija li riedu jagħmlu tfittxija fuqu biex jaraw jekk kienx armat. F’filmat tal-inċident McClain jinstema’ jgħid li huwa introvert u talab lill-pulizija jirrispettaw il-boundaries tiegħu.

McClain tpoġġa f’chokehold u ntilef minn sensieh. Eventwalment mediku inġetta l-ketamine f’McClain biex jikkalmaħ. Aktar tard induna li ma kienx qed jieħu nifs. McClain ġie ddikjarat brain dead fis-27 ta’ Awwissu.