Pulizija f’kuntatt ma’ mewt bil-Covid jiddaħħlu xogħol minkejja li bla riżultat

Hearse-pulizija-mewt
Miguela Xuereb

Read in English.

Uffiċjali tal-Pulizija f’Għawdex qattgħu jiem sħaħ fl-għama wara li ġew f’kuntatt ma’ anzjan li nhar il-Ħadd li għadda nstab mejjet f’daru fin-Nadur u wara rriżulta li kien infettat bil-Covid-19. Diversi sorsi kkonfermaw din il-mewt f’Għawdex ma’ Newsbook.com.mt. Madanakollu din għadha ma ġietx inkluża man-numru ta’ mwiet ta’ persuni infettati bil-Covid-19 li jitħabbru ta’ kuljum mill-Ministeru għas-Saħħa. Il-Ħamis kmieni wara nofsinhar, kelliema għall-Pulizija qalet li l-pulizija kollha involuti rriżultaw negattivi.

Qraba ta’ uffiċjali tal-Pulizija li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalu li minkejja li l-pulizija ntbagħtu biex jagħmlu swab test, ilbieraħ reġgħu ddaħħlu għax-xogħol normali minkejja li kien għadu ma ħariġx ir-riżultat. Spjegaw li l-pulizija mhumiex intitolati għal-leave tal-kwarantina sakemm ma tintbagħatx struzzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u għaldaqstant ma kellhom l-ebda għażla.

Il-ħaddiema kif qed jiġu protetti?

Irrimarkaw ukoll li minbarra l-pulizija, ġie espost ukoll it-tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li assista lill-pulizija fil-ħidma tagħhom. Dwar dan, Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ kelliem għal Steward Healthcare li hi responsabbli mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Filwaqt li ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma dan il-każ, għax “din l-informazzjoni għandha tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti”, il-kelliem spjega l-prekawzjonijiet li jittieħdu mill-impjegati tal-isptar biex tiġi assigurata s-saħħa tagħhom:

L-impjegati qed jilbsu t-tagħmir protettiv meħtieġ (full PPEs) kif indikat fiċ-ċirkustanzi sabiex jassistu kull katavru li jidħol fil-mortwarja. L-istaff jiġi screened għall-COVID-19 regolarment u ssir fumigazzjoni tal-post u anke wara li jiġi ssiġillat it-tebut. Il-katavru jkun dejjem impoġġi ġo żewġ body bags biex tiġi żgurata l-protezzjoni meħtieġa. Dan isir skont il-linji gwida u protokolli li jinħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà tal-istaff u l-pazjenti tal-isptar”.

Dwar jekk fl-aħħar jiem kienx hemm mewt ta’ Covid-19 fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-kelliem stqarr li “ma kellna l-ebda mewt riċenti relatata ma’ Covid-19”.

“Il-pulizija rriżultaw kollha fin-negattiv”

Minn naħa tal-Korp tal-Pulizija, kelliema qalet li l-uffiċjali tal-Pulizija li kienu involuti fil-każ kienu lebsin ilbies protettiv, inkluż maskra u ingwanti. Żiedet tgħid li l-każ ġie referut lis-Saħħa Ambjentali skont il-proċeduri neċessarji u li l-istess awtorità ma tatx struzzjonijiet biex il-Pulizija konċernati joħorġu bil-leave tal-kwarantina. “Ta’ min isemmi li t-testijiet li saru fuq il-pulizija rriżultaw kollha fin-negattiv”, kompliet tispjega.

L-Erbgħa filgħaxija Newsbook.com.mt bagħat ukoll mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa. Sal-ħin tal-pubblikazzjoni l-mistoqsijiet ma ġewx imwieġba.

Fil-bidu ta’ din il-pandemija tal-coronavirus, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ġie mgħammar b’10 ventilators ġodda, biex b’hekk l-għadd ta’ ventilators f’Għawdex huma 25.

Il-frontliners qed imorru lil hin minn xogħolhom

Għaddilhom messaġġ fil-kummenti hawn taħt