Pulizija fin-Niġerja jirrejdjaw ‘fabbriki tat-trabi’

Ritratt: Pixabay

Pulizija fin-Niġerja ħelsu 19-il mara tqila fil-belt kapitali Lagos f’postijiet li huma meqjusa bħala ‘fabbiki tat-trabi’. Bosta minn dawn in-nisa kienu nħatfu biex jittaqqlu u mbagħad it-trabi tagħhom jinbiegħu. Il-Pulizija qalet li tifel jinbiegħ $1,400 u tifla $830 iżda ma ngħatax tagħrif dwar min setgħu kienu dawk li jixtru t-trabi.

Żewġ nisa li kienu fuq il-postijiet kienu arrestati. Dawn lanqas ma kienu nfermiera reġistrati bħala tali. Iżda l-iktar persuna suspettata li kienet il-moħħ wara dawn il-fabbriki ħarbet u qed tkun imfittxa mill-Pulizija.

Dawn l-istejjer dwar fabbriki tat-trabi mhumiex ġodda f’dan il-pajjiż Afrikan.  Fil-fatt is-sena l-oħra kien sar rejd li matulu kienu nħelsu 160 tfal. Fl-aħħar rejd li sar inħelsu erba’ trabi.

In-nisa li nħelsu fl-aħħar rejd kienu bejn il-15 u t-28 sena. Huma kienu marru Lagos minn partijiet differenti tal-pajjiż għax kienu mwiegħda xogħol. Iżda minflok sakkruhom fi proprjetajiet differenti u kienu stuprati. Waħda minnhom irrakkuntat li kienu qalulha li ladarba qiegħda hemm ma kinetx se titħalla toħroġ ħlief wara sena.