Pulizija fil-komunità: toħroġ l-ewwel statistika

Għalkemm beda xahrejn ilu, il-proġett pilota ta’ Pulizija fil-komunità fil-Mellieħa qed jitqies suċċess.

Tant hu hekk li mill-ewwel statistika li ħarġet mindu ġie varat il-proġett, il-Pulizija jrnexxilha tagħmel 526 siegħa ta’ ronda, tagħti 170 twissija verbali, ħarġet 60 ċitazzjoni kif ukoll għamlet żewġ arresti.

Il-Pulizija fil-komunità, hija magħmula minn tim ta’ erba’ membri tal-Korp tal-Pulizija li qed ikunu fit-toroq tal-lokalità biex flimkien mar-residenti, in-negozji u l-għaqdiet lokali, jgħinu biex toqnos il-kriminalità.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li wara sitt xhur, il-Korp se janalizza l-ħidma li saret u r-riżultati tagħha bil-għan li jestendu l-proġett għal lokalitajiet oħra.