Pulizija b’akkużi ta’ vjolenza domestika, attentati ta’ qtil u stupru

Droga, vjolenza domestika, stupru, telefonati anonimi u attentati ta’ qtil, huma fost l-akkużi li ġew akkużati bihom diversi pulizija bejn l-1987 u l-2013.
Matul dan il-perjodu, 331 pulizija kienu akkużati b’reati kriminali.
Dan qalu l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Labursita Glenn Bedingfield.
Attentat ta’ qtil
Erba’ pulizija kienu akkużati b’attentati ta’ qtil.
Wieħed minnhom li kien tressaq il-Qorti fl-1988 kien ġie illiberat, iżda l-pulizija akkużat b’attentat ta’ omiċidju fl-1995, kien weħel sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u aktar tard kien ġie trasferit għad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Każ ieħor ta’ attentat ta’ qtil, li kien ġie rrapportat fl-2008, għadu pendenti u l-pulizija involut jinsab sospiż.
L-aktar każ reċenti kien fl-2012, fejn uffiċjal kien instab ħati u weħel seba’ snin u nofs ħabs. Il-pulizija involut kien laħaq ħareġ fuq il-pensjoni.
Stupru
Is-sena 1988 rat tliet pulizija akkużati bi stupru li lkoll ġew imkeċċija mill-Korp tal-Pulizija. Tnejn minnhom weħlu 27 xahar priġunerija filwaqt li l-ieħor weħel 33 xahar.
Spettur tal-Pulizija, li fis-sena 2000, kien ġie mixli li kkorrompa minorenni kien ħareġ illiberat u kien ġie sospiż sakemm inqatgħet is-sentenza. Żewġ każijiet simili saru fl-2008 u fl-2012.
Simili ta’ dan, fl-2009, kuntistabbli kien ġie mixli bi stupru u b’pornografija tat-tfal. Huwa kien weħel sitt snin ħabs madankollu għadu qed jinstema’ l-appell. Sadanittant il-pulizija jinsab sospiż.
Vjolenza domestika
Ir-reat tal-vjolenza domestika kien l-aktar wieħed popolari, hekk kif kien hemm disa’ każijiet. Sitta minnhom ġew irrapportati fl-2011, tnejn fl-2012 u ieħor fl-2013.  L-akkużat ta’ wieħed mill-każijiet tal-2011, kien ġie lliberat.
Telefonati anonimi
Fl-2006, tliet pulizija ġew akkużati b’telefonati anonimi u theddid, iżda ġew kollha illiberati.
Pussess ta’ droga
Fl-2008, żewġ pulizija oħra nstabu ħatja b’pussess ta’ droga. Iż-żewġ pulizija ġew sospiżi u wieħed minnhom weħel tliet snin ħabs u multa, filwaqt li l-ieħor ingħata l-libertà b’kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi tliet snin.