Pulizija attakkat f’Għawdex

Uffiċjal tal-Pulizija ġie attakkat minn raġel ta’ 28 sena f’Għawdex.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ it-Tlieta li għadda għall-5.20pm.

Skont il-Pulizija, ir-raġel tressaq il-Qorti akkużat ukoll li wettaq serqa. L-uffiċjal weġġa’ ħafif.

Intant il-Pulizija qalet li ressqet ukoll il-Qorti raġel ta’ 39 sena. Dan ġie akkużat li lbieraħ għamel ħsara fuq karozza fi Pjazza Salvatore Busuttil fil-Kerċem. Il-każ seħħ għas-7am.

Tressaq il-Qorti wkoll raġel ta’ 41 sena akkużat li fit-3 ta’ Diċembru hu kien kompliċi ma’ persuna oħra b’attentat ta’ serq minn vettura. Il-każ seħħ għas-6pm.

It-tlieta li huma wieġbu mhux ħatja.

Ir-raġel ta’ 39 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000. Iż-żewġt irġiel l-oħra baqgħu jinżammu arrestati.

Ir-raġel ta’ 39 sena huwa residenti l-Kerċem. Ir-raġel ta’ 28 sena huwa mil-Libja u joqgħod ir-Rabat, Għawdex. Ir-raġel ta’ 41 sena huwa mil-Libja u joqgħod x-Xagħra.