Ma jistax imur festi wara li aggredixxa pulizija f’każin

Uffiċjal tal-Pulizija safa aggredit minn raġel f’Każin f’Ħal Safi l-lejl li għadda wara li qam argument fil-Każin.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Pulizija kien aggredit fil-Każin ta’ San Pawl f’Ħal Safi minn raġel ta’ 46 sena residenti ż-Żurrieq wara li l-Pulizija kienet imsejħa fuq il-post biex twaqqaf argument għall-ħabta tat-2.35am.

Fuq Facebook l-Ispettur Sandro Camilleri qali li l-Pulizija li kien aggedit, PC733, jinsab muġugħ iżda qed jirkupra bilmod.

L-aggressur tressaq il-Qorti s-Sibt filgħodu fuq akkużi marbuta mal-aggressjoni fuq uffiċjal tal-Pulizija. Huwa ġie mixli wkoll li m’obdiex l-ordni tal-Pulizija, li kien xurban fil-pubbliku, li kiser il-paċi pubblika u li kien reċediv.

Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni enfasizzat li hemm bżonn li tiġi indirizzata l-mentalità li wieħed jista’ jixrob kemm irid waqt il-festi.

L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,500.  Madanakollu ma jistax jattendi festi sakemm jinqata’ l-każ.

Ritratt tal-Każin – Google Maps