Aġġornata: Jikber l-appoġġ għal Kevin Cutajar

Read in English.

Fl-aħħar sigħat kompla jikber l-appoġġ għal Kevin Cutajar fost il-kandidati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista li kkontestaw mingħajr suċċess fit-13-il Distrett. Dan sabiex Cutajar għada jiġi magħżul mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex jieħu post is-siġġu vakanti fil-Parlament wara li David Stellini rriċenja fl-aħħar ta’ Mejju.

L-avukat Joseph Ellis, Maria Portelli u Ryan Cefai Mercieca, t-tlieta li huma kkonfermaw is-sapport tagħhom lejn Cutajar. Sa issa l-kandidati l-oħra li għadhom ma qalux humiex interessati huma Ċensu Galea u Jason Zammit.

In-Nazzjonalisti taż-Żurrieq juru sapport lil Kevin Cutajar

Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq wera s-sapport tiegħu lil Kevin Cutajar. F’ittra li ntbagħtet lill-Kap Nazzjonalista, lis-Segretarju Ġenerali, lill-Amministrattiv, l-Eżekuttiv u lill-Grupp Parlamentari ż-Żrieraq appellaw biex it-tmexxija tinforma lill-partitarji x’ġara sal-lum kif ukoll appellaw lill-amminstrattiv tal-partit biex jerfa’ r-responsabbiltà politika tal-akbar żewġ telfiet li qatt kellu l-Partit.

Fiċ-ċirkostanzi li għaddej l-Partit bħalissa minnhom, il-kumitat PN Żurrieq qed jitlob li amminstraattiv u eżekuttiv sabiex jzomm lil partitarji flimkien mal-Kumitati b’ kull eżetitu u deċiżjoni li qed jittieħdu jew ħa jittieħdu fiż-żmien immedjat.

Dan għaliex fi dawn cirkostanzi li ghaddejjin, it-tmexxija għandha tinfurmana b’dak li ġara sal-llum filwaqt li amminstrattiv tal-partit għandha tiehu u terfa’ r-responsabbiltà politika tal-akbar żewġ telfiet li qat kellu il-Partit.

Bħala Kumitat aħna nemmnu wkoll li s-siġġu parlamentari li ġie vakanti minn Dr Stellini għandu jmur leġittament għand il-kandidat iehor minn Għawdici, li f’dan ic-ċirkostanza huwa Dr Kevin Cutajar.

“Puli offrieli nkun parteċipi fl-elezzjoni” – Portelli

Maria Portelli f’post fuq Facebook irringrazzjat lil Clyde Puli, Segretarju Ġenerali tal-PN “talli huwa personalment għamel kuntatt miegħi sabiex joffrili li nkun parteċipi fl-elezzjoni interna għal co-option tas-siġġu vakat minn David Stellini.”

Hija żiedet tgħid li tħoss li ma tistax taċċetta għax taħseb li “dak is-siġġu għandu jintela’ minn Kevin Cutajar, u dan għax meritat lilu.”

Maria Portelli kienet ikkontestat l-elezzjoni ġenerali tal-2017 u ġabet 549 vot.

Il-bieraħ il-kandidat Nazzjonalista Joe Ellis ippubblika fuq Facebook ittra li  kiteb lis-Segretarju Ġenerali tal-PN. Fiha kiteb li kien Puli stess li ċempillu biex jitolbu ‘jiddikjara l-interess tiegħu fis-siġġu vakat minn David Stellini’. Ellis qal li l-aktar għażla naturali għas-siġġu huwa Kevin Cutajar.

AQRA: Puli jgħid li ċempel lil kulħadd biex jipprepara għas-Sibt

Il-Ħamis fil-għaxija Clyde Puli qal lil Newsbook.com.mt li ċempel lill-kandidati tat-13-il distrett biex jara jekk għandhomx interess jikkontestaw għas-siġġu tal-PN vakat minn David Stellini. Qal li għamel hekk fil-kapaċità tiegħu bħala segretarju bi preparazzjoni għal-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN għada s-Sibt meta l-Kumitat Eżekuttiv mistenni jerġa’ jiltaqa’ biex jagħżel lil min se jimla’ s-siġġu vakat minn David Stellini.

Il-President tal-Forum fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ddedikat għall-Professjonisti Graham Bencini fuq Facebook faħħar lill-kandidati Għawdxin li qed joħorġu jissapportjaw lil Kevin Cutajar. Qal li l-għażla tiegħu bħala deputat ġdid fil-Parlament hija għażla totalment leġittima

“Telefonata stramba u mhux prudenti”

Sorsi qrib il-PN li tkelmu magħna bil-kundizzjoni ta’ anonimita iddeskrivew bħala “stramba u mhux prudenti” t-telefonata li għamel Puli lill-kandidati li ikkontestaw fuq it-13-il distrett. Huma qalu li Puli missu nduna li fl-atmosfera li teżisti llum fil-PN it-telefonata tiegħu sgur li kienet se tiġi interpretata minn ħafna bħala mod mhux tant fin kif iħajjar lin-nies jikkontestaw lil Kevin Cutajar.

L-istess sorsi qalulna li anke jekk dan ma kienx li ried Puli huwa missu anteċipa r-reazzjoni negattiva li dak li għamel kien se jqajjem. Żiedu jgħidu li minn Segretarju Ġenerali kienu jistennew aktar għaqal u prudenza f’dan iż-żmien diffiċli għall-PN.

Sors ieħor qal l-għażla ta’ Kevin Cutajar bħala deputat ġdid tal-PN kellha ssir mingħajr din il-kriżi għaliex kienet tkun rebħa għal-PN, rebħa għall-Parlament u rebħa għal għawdex. L-istess sors kompla jgħid li minflok attira deputat ġdid b’dirgħajn miftuħa, Kevin issa jaf li mhux milqugħ.

X’ġara sa issa

Kien is-Sibt li għadda li l-Kumitat Eżekuttiv iltaqa’ għall-ewwel darba biex jagħmel l-għażla. Dak in-nhar intgħażel Jean Pierre Debono li kien ikkontesta l-elezzjoni tal-2017 fuq is-7 distrett. Huwa ġab 42 vot waqt li Kevin Cutajar li kien ikkontesta fuq it-13-il distrett ġab 40 vot.

L-għażla qajmet kontroversja kbira u wasslet lil Debono jgħid li mhux se jieħu l-ġurament tal-ħatra wara li l-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex bagħat ittra legali li fiha qajjem diversi punti fejn il-Partit Nazzjonalista kien qed jikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta bl-għażla ta’ Jean Pierre Debono minflok Kevin Cutajar.

AQRA: Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista mistenni jerġa’ jitlaqqa’ għada s-Sibt biex jiddiskuti min għandu jieħu post David Stellini fil-Parlament.

AQRA: Il-Kumitat Eżekuttiv jerġa’ jiddiskuti s-Sibt