Puli jlaqqa’ lill-Kunsilliera Lokali tal-PN

Read in English.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista laqqa’ lill-Kunsillieri Lokali tal-PN fid-Dar Ċentrali. Fi stqarrija ntqal li din hija waħda minn serje ta’ laqgħat mal-kunsilliera lokali tal-Partit Nazzjonalista.

Puli huwa mistenni jerġa’ jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, liema elezzjonijiet se jsiru s-sena d-dieħla wara li l-Kap tal-PN Adrian Delia ppropona li l-elezzjonijiet isiru wara li jiddaħħlu fis-seħħ ir-riformi mħejjija minn Louis Galea.

AQRA: Louis Galea se jlesti kmieni l-pjan ta’ riforma fil-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li fil-laqgħa s-Sindki, l-Viċi Sindki u l-Kunsillieri preżenti kellhom iċ-ċans jesprimu ruħhom dwar id-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Kunsilli Lokali speċjalment fl-indħil tal-Gvern. Fost dawn kien hemm ix-xogħlijiet li jsiru fil-lokalità mingħajr ebda konsultazzjoni, teħid ta’ responsabbiltajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali bħal fost l-oħrajn il-gwardjani lokali u t-toroq kif ukoll diffikultajiet finanzjarji, fejn uħud mill-Kunsilli Lokali spiċċaw li lanqas jistgħu jaqdu d-doveri tagħhom għaliex mhux jingħataw flus biżżejjed filwaqt li l-ispejjeż jibqgħu jikbru minn sena għall-oħra.

Waqt il-laqgħa kien preżenti ukoll Charles Bonello, il-President tal-Kulleġġ Kunsilli Lokali tal-Partit Nazzjonalista.