Puli jirreżenja minn Segretarju Ġenerali tal-PN

Luke Zerafa

Read in English.

Clyde Puli rreżenja mill-kariga tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-PN.

Puli ħabbar ir-reżenja tiegħu f’ittra li bagħat lill-Kap tal-PN Adrian Delia datata llum.

Fl-ittra Puli qal li fl-aħħar xhur wera dubji ma’ Delia dwar kemm jista’ jibqa’ jiffunzjona fil-kariga tiegħu “bis-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit li tant” iħobb.

“Minkejja li tul dawn ix-xhur int bqajt tħeġġiġni u titlobni biex nibqa’ nservi, illum qiegħed nagħmel dan il-pass b’sens kbir ta’ lealtà u dover lejn il-Partit, il-partitarji u lejn it-tmexxija tiegħu imma issa ma nħossx li għandi intawwal aktar id-deċiżjoni tiegħi,” kiteb Puli.

It-terminu ta’ Puli kellu jiskadi f’Novembru tal-2019. Però ngħata estenzjoni sa Marzu. Puli spjega li ħalla l-possibilitajiet kollha miftuħa però qal li wasal iż-żmien li jiffoka aktar fuq id-distrett elettorali tiegħu.

Fi kliem Puli, ir-reżenja tiegħu “tagħti l-libertà kollha” lill-PN biex jgħażlu l-aħjar persuna biex tkun is-Segretarju Ġenerali li jmiss.

Puli kiteb li kien unur għalih li daħal għar-responsabilità ma’ Delia biex “il-Partit jinqala’ mis-sitwazzjoni li kien fiha fl-2017.” Kompla jgħid li dakinhar ftit politiċi ġew iservu “fis-siegħa tal-bżonn”. Qal li l-partitarji sabu tama ġdida f’Delia.

“Ma ppretendejtx għajnuna iżda l-anqas ippretendejt min, ma’ kull pass li tagħmel ‘il quddiem jagħtik gambetta u wara daqqa ta’ sieq fl-għaksa biex wara jkun jista’ jakkużak li m’intix tiġri biżżejjed. Is-sense of entitlement ta’ xi wħud u l-filosofija ta’ jekk ma nilgħabx inħassar qatt ma kienu fil-vokabularju tiegħi.”

Diversi problemi fil-PN – Puli

Clyde Puli qal li hemm diversi problemi fil-PN. Qal li hija ħasra li r-rapport tat-telfa tal-2013 baqa’ fuq l-ixkaffa u li fl-2017 ma sarx ieħor biex jaraw għaliex ma twettaqx.

Puli ddeskriva s-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN bħala waħda “prekarja b’miljuni kbar ta’ djun”.

“Ta’ kuljum bħala Segretarju Ġenerali trid taħseb kif se tħallas dak li sar ilbieraħ minflok kif se ttejjeb is-sitwazzjoni tal-lum u tal-futur.”

Qal ukoll li hemm deputati u “ċirku ieħor ta’ nies” li ma aċċettawx lil Delia bħala kap.

“Il-leakeges selettivi u kontinwi ta’ diskussjonijiet fil-Grupp Parlamentari tellfu ħafna mis-serenità li wieħed jista’ jiddiskuti biha b’mod ġenwin fl-aqwa interess tal-partit.”

Filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha li ħdimt magħhom f’dawn is-sentejn, fil-Partit u fil-Media, nixtieq nassigura…

Posted by Clyde Puli on Friday, February 7, 2020

Tista’ taqra l-ittra ta’ reżenja minn hawn: