Puidgemont jirtira l-kandidatura għall-presidenza tal-Katalunja

L-eks-President tal-Katalunja, Carles Puidgemont, li l-għajta tiegħu għall-indipendenza tar-reġjun Spanjol wasslet għar-referendum kontroversjali ta’ Ottubur li għadda, irtira l-kandidatura tiegħu għall-presidenza tar-reġjun, u minflok irid jagħti ċans lil kandidat li bħalissa jinsab il-ħabs.
Dal-messaġġ Puidgemont għaddieh b’filmat ta’ 13-il minuta fuq il-mezzi soċjali lbieraħ filgħaxija, meta qal li b’dieqa kbira ddeċieda li jinforma lill-Ipsiker tal-Parlament Katalan li hemm bżonn jinstab kandidat alternattiv.
Minflok qed jipproponi lil Jordi Sànchez, membru parlamentari tal-partit ta’ Puidgemont, u l-eks-Mexxej ta’ partit ieħor influwenti għall-indipendenz tal-Katalunja.
“M’hawnx persuna aħjar minnu li jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet tal-partit, u huwa bniedem paċifikuż maqful intortament minn Spanja”, qal Puidgemont dwar sieħbu.
Ir-relazzjoni diplomatika bejn ir-reġjun Katalan u Spanja marret għall-ħażin mir-referendum reġjonali fil-Katalunja f’Ottubru li għadda, meta minħabba r-riżultat Puidgemont u l-partit tiegħu, Flimkien għall-Katalunja, iddikjaraw l-indipendenza minn Spanja.
Il-PM Spanjol kien sejjaħ għal elezzjonijiet bikrin fir-reġjun Katalan f’Diċembru li għadda, bit-tama li jirbaħ partit li ma jridx jinfired minn Spanja, iżda għarralu.
Sadanittant, Puidgemont qal li se jwaqqaf il-Kunsill għar-Repubblika fi Brussell fejn jinsab, u din qed titqies bħala mossa biex jiġi ffurmat gvern fl-eżilju.