Publikati ritratti xjentifiċi tal-Liżar ta’ Turin

Il-Liżar taż Turin li ħafna jsostnu li kien id-drapp li fih tkebbeb Kristu meta tniżżel mis-Salib, qabel indifen

Sit elettroniku ġdid se jkun dedikat biex joffri lill-Kattoliċi u lil riċerkaturi, kollezzjoni ta’ ritratti tal-Liżar ta’ Turin, meħuda minn fotografiku xjentifiku li kien parti minn proġett ta’ riċerka li għamel aktar minn 100 siegħa ta’ testijiet fuq dan il-Liżar, meqjum fil-Katidral ta’ Turin u li jingħad hu l-liżar li fih kien imkebbeb Kristu meta tniżżel mis-salib u ndifen.

Il-Liżar tad-drapp hu twil 14-il-pied u 5 pulzieri u wiesgħa 3 piedi u 7 pulzieri u juri xbieha ta’ raġel torturat u msallab. Ħafna Kattoliċi jqisuh bħala dak li fih tkebbeb il-ġisem mejjet ta’ Kristu wara mewtu.

Persuna umana msallba

Bejn l-1977 u l-1982 tim ta’ esperti fil-fiżika, spiżjara,  patoloġisti u inġiniera min-numru ta’ universiatjiet u laboratorji Amerikani, studjaw dan il-Liżar u kkonkludew li “ix-xbieha fuq il-liżar hi dik ta’ persuna umana msawwta u msallba.  Mhux prodott ta’ xi artist. It-tbajja tad-demm komposti minn hemoglobi u rriżultaw pożittiv għal testijiet tas-serum albumin.  Madankollu din ix-xbieha tibqa’ misteru sakemm isiru aktar studji kimiċi”.

Ir-rapport finali ta’ din ir-riċerka jgħid li “ma nstabu ebda traċċi ta’ żebgħa, jew tbajja fuq il-fibra tal-Liżar u hu ċar li kien hemm kuntatt dirett tal-Liżar maż ġisem u dan jispjega l-marki tas-swat u d-demm. Madankollu, għalkemm dan it-tip ta’ kuntatt jista’ jispjega ċerti sinjali fuq is-sider, ma jistgħux jispjegaw ix-xbieha tal-wiċċ, kif juru r-ritratti li ttieħdu waqt ir-riċerka.”

Vernon Miller kien il-fotografu xjentifiku uffiċjali tal-proġett ta’ riċerka fuq il-Liżar ta’ Turin. Ir-ritratti tiegħu issa wieħed jista’ jarahom liberament jew iniżżilhom minn fuq shroudphotos.com. Hemm ritratti meħuda bi dwal ‘ultraviolet’ li wkoll jistgħu jitniżżlu minn fuq l-istess sit elettroniku. Kienet ix-xewqa tal-fotografu nnifsu li r-ritratti jkun aċċessibbli għal dawk li qatt ma raw il-Liżar.

32,000 ritratt

Miller qal li “madwar id-dinja, l-interess għal-Liżar ta’ Turin kiber wara li fl-1898 dehru l-ewwel ritratti tiegħu. Dak iż-żmien il-fotografija kienet għadha fil-bidu. Sa dakinhar ix-xbieha fuq id-drapp kienet bilkemm tidher. Illum bin-negattiva tar-ritratt wieħed jista’ jappreżża aħjar ix-xbieha fuq il-Liżar.

Il-Liżar ilu f’Turin mill-1578 u kien is-suġġett ta’ eluf ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, minn diversi speċjalisti u ttieħdu aktar minn 32,000 ritratt tiegħu.  Il-pożizzjoni uffiċjali tal-Knisja dwar il-Liżar ta’ Turin hi waħda newtrali għalkemm hu miżmum b’għożża fil-Katidral ta’ Turin.