Ippubblikati dokumenti sigrieti tal-Papa Pawlu VI

Il-Papa Pawlu VI - kien lest jirriżenja f'każ ta' mard gravi

“The Barque of Paul” miktub minn Fr Leonardo Sapienza, Reġġent tal-Prefettura tad-Dar Pontifiċja, ktieb li dalwaqt ikun pubblikat, hu teżor ta’ dokumenti, ittri u messaġġi tal-Papa Pawlu VI li sal-lum ma kinux magħrufa pubblikament.

Minn dan il-ktieb jirriżulta li l-Papa Pawlu VI kien kiteb ittra ta’ riżenja f’każ li xi marda jew ċirkostanzi oħra jimpeduh milli jaqdi dmiru. L-ittra sigrieta, datata 2 ta’ Mejju 1965 – sentejn wara li kien elett Papa u 13-il sena qabel mewtu.

Pawlu VI kien lest jirrinunzja għall-uffiċċju tiegħu ta’ Isqof ta’ Ruma u Kap tal-Knisja Kattolika f’każ ta’ mard “li jidher li ma jkunx kurabbli jew li jieħu fit-tul u jimpedih milli jaqdi l-funzjoni tal-ministeru apostoliku tiegħu, jew fil-każ ta’ xi impediment ieħor fit-tul”, tgħid l-ittra.

L-ittra hi mmarkata “kunfidenzjali” u kienet indirizzata lid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali fuq karta bl-arma tal-Papa u bi struzzjonijiet li dan seta’ juriha lil kardinali oħra filwaqt li jiddikjara li l-Papa ma setgħax ikompli jaqdi dmiru u “biex din ir-riżenja tkun aċċettata u effettiva”.

Pawlu VI qal li kien kiteb din l-ittra “konxju mir-responsabbiltà tiegħi quddiem Alla u b’qalb mimlija riverenza u karita f’għaqda mal-Imqaddsa Knisja Kattolika u mhux bla ma ħaseb fuq il-missjoni evanġelika tiegħu lid-dinja”.

Il-ktieb jinkludi wkoll kummenti tal-Papa Franġisku fuq Pawlu VI. “Għandna nirringrazzjaw ‘l Alla, li waħdu jiggwida u jsalva l-Knisja, li ħalla lil Pawlu VI jkompli sal-aħħar jum ta’ ħajtu jkun missier, mexxej, surmast u ħabib” qal il-Papa preżenti.

Meta kkummenta dwar l-imsemmija ittra l-Papa Franġisku qal li “għalija tidher li hi xhieda umli u profetika tal-imħabba għal Alla u l-Knisja tiegħu u prova oħra tal-qdusija ta’ dan il-Papa kbir.” Qal li dak li kien importanti għal Pawlu VI kienu “il-bżonnijiet tal-Knisja u tad-dinja. Papa li jkun impedut minn mard serju ma setax jaqdi l-ministeru appostoliku b’mod effettiv”.

Il-ktieb fih ukoll konversazzjoni li l-Papa Pawlu VI kellu mal-Arċisqof Lefebvre fl-1 ta’ Settembru 1976 meta dan kien qed jopponi t-tibdiliet introdotti mill-Konċilju Vatikan II.