Pubblikat il-logo li tħejja għall-vjaġġ tal-Papa fil-Marokk

Il-logo għaż-żjara tal-Papa fil-Marokk

Kull darba li l-Papa jagħmel Żjara Pastorali barra mill-pajjiż tingħażel tema u jitħejja logo li jintuża fil-pubbliċità  kollha li ssir marbuta maż-żjara u f’użu uffiċjali ieħor.  Papa Franġisku se jżur il-Marokk fit-30 u l-31 ta’ Marzu. Dan se jkun is-26 vjaġġ tiegħu barra mill-Italja.

Din iż-żjara se ssir fuq stedina tar-Re Mohammed VI u l-Isqfijiet Kattoliċi ta’ dan il-pajjiż. Il-Papa se jżur il-bliet ta’ Rabat u Casablanca f’dan il-pajjiż li fil-maġġoranza kbira tiegħu hu Musulman.

Il-Vatikan ippubblika l-logo għal din iż-żjara ngħażel wara kompetizzjoni li fiha kienu sottomessi aktar minn 50 disinn. Dak magħżul jinkludi Salib u Qamar li jirrappreżentaw il-Kristjaneżmu u l-Islam u jenfasizza r-relazzjonijiet inter-reliġjużi bejn l-Insara u l-Misilmin. Il-kuluri aħdar u aħmar huma l-kuluri tal-Marokk u l-isfar u l-isfond abjad il-kuluri tal-Vatikan.

It-tema tal-vjaġġ, li tidher ukoll fil-logo taħt isem il-Papa Franġisku hi: “Qaddej tat-Tama”.

F’dan il-vjaġġ ta’ jumejn, il-Papa Franġisku mistenni jiltaqa mal-Mexxej tal-Musulmani Marokkini, 800 sena wara li San Franġisk t’Assisi kien iltaqa’ mas-Sultan Al-Malik al-Kamil tal-Eġittu.

Papa Franġisku hu magħruf bħala is-Serv tas-Servjenti ta’ Alla u minn dan il-kliem “Qaddej tat-Tama” li huma nklużi fil-logo.

Il-motto hu wkoll it-titlu ta’ Ittra Pastorali li l-Konferenza Episkopali tal-Afrika ta’ Fuq għaddiet lill-Papa Franġisku waqt żjara ‘ad limina’ li kienet għamlitlu fl-2015.

Il-Marokk se jkun it-tielet pajjiż li Papa Franġisku se jagħmel din is-sena.  F’Jannar se jmur il-Panama għall-Kum Dinji taż-Żgħażagħ u fi Frar se jżur l-Emirati Għarab Magħquda.

Meta t-Tnejn li għadda l-Papa kellem lill-ambaxxaturi akkreditati għall-Vatikan qal li ż-żjarat tiegħu f’żewġ pajjiżi Musulmani huma “żewġ opportunitajiet importanti biex jikber id-djalogu inter-reliġjuż u biex il-fidili taż-żewġ reliġjonijiet jifhmu lil xulxin aħjar matul din is-sena li jaħbat it-800 anniversarju tal-laqgħa storika bejn San Franġisk u s-Sultan al-Malik”.