Pubblikat id-dokument ta’ qabel il-Baġit

Il-Ministeru tal-Finanzi ippubblika d-dokument ta’ qabel il-Baġit bit-tema: Stabbilità biex noħolqu l-ġid għal kulħadd. Dan id-dokument se jiġi ppreżentat formalment lill-imsieħba soċjali nhar it-Tnejn waqt laqgħa apposta tal-MCESD. F’din il-laqgħa se tkun ppreżentata wkoll il-viżjoni tal-gvern għal baġit li ġej.

Id-dokument hu bbażżat fuq tlett prinċipji ewlenin: li jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku; li tiġi assigurata l-istabbilità fiskali u li Malta tkun aktar kompettitiva.

Il-Gvern elenka numru ta’ inizjattivi bħala parti mill-viżjoni tiegħu għal dan il-baġit fosthom; riformi fl-ippjanar tan-nefqa tal-Gvern, enerġija nadifa u orħos għall-familji u n-negozji, il-ħolqien tal-impjiegi u servizz tas-saħħa ta’ kwalità għal kulħadd.

Il-proċess ta’ qabel il-Baġit se jkompli b’diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni li se jkunu miftuħa għall-pubbliku.

Il-Ministeru tal-Finanzi qed jistieden il-pubbliku biex jikkontribwixxi f’dan il-proċess permezz tas-sit www.mfin.gov.mt jew b’email fuq budget.mfin@gov.mt.

Għal aktar dettalji niżżel id-dokument sħiħ minn hawn taħt.