PSG – Eżodu ta’ xi plejers?

Jidher illi l-eliminazzjoni bikrija ta’ Paris St Germain xejn ma niżlet tajjeb ma’ diversi plejers illi fil-bidu tal-istaġun kienu ddikjaraw illi l-objettiv tagħhom kien illi proprju jirbħu din il-kompetizzjoni ma’ dan il-klabb.
Il-ġurnal Franċiż li joħroġ kuljum Le Parisien beda jispekula fuq tmien plejers illi f’xi ħin jew ieħor matul din il-ġimgħa gergru mhux ftit dwar dak li ġara fosthom Dani Alves, Layvin Kurzawa, Yuri Berchiche, Adrien Rabiot, Edinson Cavani, Marco Verratti, Angel di Maria u Javier Pastore.
L-istess gazzetta xerrdet ix-xnigħa illi dawn jistgħu ifittxu xorti x’imkien ieħor minħabba xi diżgwid illi nqala’ wara t-telfiet kontra Real Madrid.
Min-naħa l-oħra, id-diriġenza tat-tim Pariġin se jittantaw xortihom is-sena d-dieħla filwaqt illi jżommu lil Neymar u Mbappe bħala l-plejers li jibbażaw il-futur tagħhom fuqhom.