Pruvaw jaħarbu minn Malta; sentenza sospiża

Żewġ żgħażagħ Tuneżini li huma taħt l-età tressqu l-Qorti akkużati li pruvaw jaħarbu minn Malta lejn Sqallija bit-tama li jerġgħu jingħaqdu mal-familjari tagħhom.

Iż-żgħażagħ huma residenti fil-Villaġġ tat-Tined f’Ħal Far u fiċ-Ċentru tad-Ditenzjoni ta’ Ħal Safi. Iż-żewġ immigranti telqu minn Malta abbord vapur li kien sejjer lejn Katanja. Mal-wasla tagħhom l-immigranti ma tħallewx jinżlu u ġew trasferiti lura lejn Malta.

Iż-żewġ persuni kienu assistiti minn traduttur u ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom. L-avukat tal-għajnuna legali Ibtisam Sadegh qal li jkun aktar xieraq li l-immigranti jingħataw sentenza sospiża minħabba li l-immigranti huma minuri.

Żewġ rappreżentati tal-Aġenżija AWAS xehdu fil-Qorti u qalu li huma l-gwardjani legali taż-żgħażagħ. Fil-Qorti ħareġ li ż-żewġ Tuneżini qed jistennew mill-Gvern Malti biex jiġu rilokati u jingħaqdu mal-familji tagħhom fi Franza u l-Italja rispettivament.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha kkundannat liż-żewġ żgħażagħ xahar ħabs sospiż għal sena.