Pruvat iddaħħal Malta 1.5kg eroina fil-bagalja

Mara li qed tiġi akkużata bi traffikar ta’ droga ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest wara li tressqet il-Qorti akkużata li kienet qed iġġorr madwar kilo u nofs droga eroina fil-bagalja tagħha.

Il-mara ta’ 31 sena ta’ nazzjonalità Afrikana kienet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Hija wieġbet mhux ħatja għall-akkużi li importat id-droga kif ukoll li kienet fil-pussess tad-droga eroina mhux għall-użu personali tagħha.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni li isem il-mara ma jixxandarx kif ukoll li tiffriża l-assi kollha tagħha ħlief għall-ammont minimu kif stipulat mil-liġi. L-avukat difensur m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużata.