Aġġornata: “Dokumenti juru persuni mniżżla darbtejn fir-reġistru elettorali”- Beppe Fenech Adami

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami poġġa provi fuq il-Mejda tal-Kamra li xi nies huma mniżżla darbtejn fir-reġistru elettorali. Spjega li dawn il-persuni għalhekk jistgħu jivvutaw darbtejn.
Huwa għamel dan waqt l-aġġornament tas-seduta ta’ llejla.
Dr Fenech Adami rrefera għal diskors riċenti fil-Parlament fejn allega “tgerfix” u “abbuż” f’Identity Malta biex persuni mhux eliġibbli għall-vot jkunu jidhru fir-Reġistru elettorali. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista ingħata raġun f’95% tal-madwar mitt każ fejn ippreżenta rikors biex persuni jitneħħew mir-reġistru elettorali. Staqsa kif ħadd ma refa’ responsabbiltà għal dan, la fuq livell amministrattiv u wisq anqas fuq livell politiku.
Irrefera għal każ ta’ persuni b’iktar minn karta tal-identità waħda. Tenna l-punti ewlenin dwar kif żvolġa l-każ fejn rapport ta’ The Malta Independent li minn kampjun ta’ 300 persuna kien hemm madwar 80 ruħ li kontemporanjament kellhom iktar minn ID waħda l-ewwel ġie miċħud mill-Gvern fost allegazzjonijiet li l-gazzetta kienet qed tiffabrika storja, u wara li l-istess gazzetta ppubblikat ir-rapport inkwistjoni, ma kellhomx għażla oħra għajr li jammettu. B’referenza għall-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi, huwa saħaq li min qal li dan ir-rapport ma jeżistix “għandu l-obbligu li jgħid li żvija”.
Dr Fenech Adami reġa’ tenna l-allegazzjoni li fuq ir-reġistru elettorali hemm persuni li jidhru darba darbtejn u għalhekk jistgħu jivvutaw iktar minn darba. Huwa saħaq li l-Ministru Owen Bonniċi “għadu jigdeb sa llum” li jiċħad dawn l-allegazzjonijiet. Sostna li l-ġurnalisti jistgħu jivverifikaw għaliex ir-reġistru elettorali huwa dokument pubbliku għalkemm irrikonoxxa li l-eżerċizzju mhux wieħed faċli hekk kif jirrikjedi t-tqabbil ta’ persuni b’IDs differenti iżda bl-istess wiċċ. Biex jissustanzja l-argument huwa qiegħed fuq il-mejda tal-Kamra estratti mir-reġistru elettorali li juru lil tliet persuni li allegatament jidhru darbtejn. Każ minnhom jidher fir-Reġistru Elettorali għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropej u żewġ każi f'dak għall-elezzjoni ġenerali.
Semma wkoll każ fejn persuni qed jirriskjaw li jitilfu s-sussidju tal-Awtorità tad-Djar “minħabba t-taħwid f’Identity Malta. Irrefera għal każ fejn familja rċeviet ittra fejn intalbet tagħtu spjegazzjoni għaliex skont ir-reġistru elettorali erba’ persuni barranin jidhru qed jgħixu magħhom!
"Fl-aħħar snin sar titjib qawwi fil-proċedura biex abbużi bħal dawn jiġu miġġielda" – Ministeru għall-Ġustizzja
Fi stqarrija b'reazzjoni l-Ministeru għall-Ġustizzja qal li f'każ li semma Dr Fenech Adami ta' żewg ċittadini li kellhom l-karta tal-identità tagħhom tispiċċa bil-P, dan sar għax ma setgħux jippreżentaw ċertifikat tat-twelid.
Il-Ministeru qal li wieħed minnhom inqabad mis-sistema interna ta’ verifika ta’ Identity Malta qabel mal-każ ħareġ fil-ġurnali u l-Kummissjoni Elettorali ġiet informata immedjatament.
Dwar każ ieħor li ssemma Dr Fenech Adami ta' persuna li ngħatat karta tal-identità fl-2007 u oħra fl-2008, il-Ministeru qal li dan il-każ diġà ġie rrapurtat lill-Kummissjoni Elettorali.
"Owen Bonnici stess jikkonferma li ilu jigdeb għal tliet ġimgħat" – Beppe Fenech Adami
F'reazzjoni Beppe Fenech Adami qal li Owen Bonnici kkonferma li hemm individwi li għandhom aktar minn karta tal-identità waħda u li għandhom id-dritt għal aktar minn vot wieħed – hu korrett u fattwali. Saħaq li għall-kriżi f’Identity Malta, responsabbli hu Joseph Muscat, li wellidha f’każ wara l-ieħor ta’ korruzzjoni.