Ara x’inhuma l-offerti ta’ 200 ħanut waqt Black Friday

"Il-ħajja trid tkompli minkejja l-pandemija" - Il-President tal-Kamra tal-SMEs

Photo by : Unsplash

Read in English.

Illum ingħata bidu għal Black Friday, li din is-sena se tkun imqassma fuq aktar jiem minflok jum wieħed biss, minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Minħabba l-għadd kbir ta’ nies li jirrikorru fil-ħwienet, ġiet enfasizzata l-ħtieġa li dawn jimxu mal-protokolli kontra l-Covid-19.

Black Friday, li tinkludi għadd ta’ skontijiet mill-ħwienet, tnediet waqt konferenza tal-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar (SMEs).

Il-President Paul Abela qal li l-Kamra kellha laqgħa mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci biex jiġu diskussi l-protokolli fil-ħwienet. Huwa stqarr li minkejja l-pandemija, il-ħajja trid tkompli għaddejja, u kien għalhekk li ġie deċiż li Black Friday issir, u saħansitra ssir b’mod akbar, sabiex jiġu megħjuna n-negozji. Din is-sena qiegħda ssir aktar enfasi fuq ix-xiri online minħabba ċ-ċirkustanzi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra Abigail Mamo semmiet kif din l-attività, tul is-snin, saret timmarka l-bidu tal-istaġun tal-festi peress li n-nies jibdew jaħsbu fuq ir-rigali. Spjegat li permezz ta’ Black Friday, in-nies se jkollhom ċans jiggwadanjaw minn offerti li qabel ma kinux disponibbli. Ammettiet li din is-sena jaf se tkun aktar diffiċli, imma wriet it-tama li din tkun ġurnata tajba għan-negozji kkumparata mal-bqija tas-sena.

Hemm negozji li qegħdin joffru offerti għal ġimgħa sħiħa. Qed tingħata prijorità lin-negozji lokali, din is-sena b’sensittività akbar.

Il-Kamra tal-SMEs ippubblikat lista estensiva ta’ offerti u negozji disponibbli din is-sena. Hemm kważi 150 negozju reġistrati mal-Kamra tal-SMEs b’iżjed minn 200 ħanut.

F’Ottubru, il-Kamra tal-Kummerċ ipproponiet li din is-sena, minflok Black Friday, isir Black Weekend, jiġifieri jkun hemm tlett ijiem sħaħ ta’ skontijiet u offerti fil-ħwienet biex jiġu evitati kjuwijiet minħabba l-pandemija.