Protezzjoni tal-gamiem? “Waqqfu l-esportazzjoni ta’ armi lejn il-pajjiżi Għarab”

L-għaqda Kaċċaturi San Ubertu appellat lill-Ewroparlamentari Maltin biex iwaqqfu l-esportazzjoni ta’ armi u munuzzjoni u affarijiet relatati mal-kaċċa mmanufatturati fl-Ewropa lejn pajjizi Għarab. B’dan il-mod, ikunu qed jaqbżu għall-kaċċaturi Maltin wara l-moratorju impost mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-kaċċa tal-gamiem.

Fi stqarrija l-kaċċaturi qalu li l-Kumissjoni Ewropea qed timponi kwoti fuq il-kaċċa tal-gamiem, iżda għandha provi ċari tal-massakri ta’ kull tip t’għasfur inkluz il-gamiem fil-pajjizi Għarab u mhux qed tieħu azzjoni.

Il-ħsara fuq il-gamiema kaġun ta’ prattiċi ħziena fl-agrikoltura ma’ titranġax b’moratorju fuq kwota ta’ 5000 fir-rebbiegħa f’Malta u wisq anqas biili titwaqqaf jew tirristringi l-kaċċa fuqha fl-Unjoni Ewropa, qalet l-għaqda tal-kaċċaturi.

“Dan ma jagħmel ebda sens meta fil-pajjizi Għarab, l-istess gamiem li niddependu fuqu aħna fl-Ewropa jibqa jinqatel b’mijiet ta’ eluf kbar bla ebda kontroll.

“Minkejja il-pressjoni politika u kummerċjali li tista tagħmel il-Kumissjoni Ewropea biex trazzan il-ħsara fuq it-tajr Ewropew fil-pajjzi Għarab, taġixxi biss permezz ta’ azzjoni fl-Stati Membri l-aktar fuq il-kaċċa , ” spjegaw il-kaċċaturi.

Huma qalu li  l-inqas li jippretendu hu li l-Kummissjoni għandha twaqqaf l-esportazzjoni ta’ armi u munuzzjoni u affarijiet relatati mal-kaċċa mmanufatturati fl-Ewropa lejn pajjizi Għarab.

Kaċċaturi San Ubertu qed jitlob lill-Parlamentari Ewropej Maltin biex iqajmu dan il-punt bħala inizjattiva minn Malta fil-Parlament Ewropew favur il-gamiema.