Protezzjoni għat-tfal f’direttiva għas-servizzi awdjoviżivi

Dan l-aħħar l-istituzzjonijiet Ewropej qablu fuq Direttiva riveduta għas-Servizzi Awdjoviżivi li għandha l-iskop li tipprovdi qafas legali rivedut li jirrifletti l-evoluzzjoni rapida u sinifikanti fit-teknoloġiji tas-servizzi awdjoviżivi.

Għalkemm id-Direttiva hi bbażata fuq l-obbligi legali internazzjonali tal-Istati Membri, waqt diskussjonijiet fil-Parlament, kienu attakkati provvedimenti li jitkellmu fuq l-iżvilupp morali tal-minuri u dawn l-attakki ma kellhom ebda bażi.

Id-Direttiva riveduta se żżomm ir-riferenzi kollha dwar il-protezzjoni għall-iżvilupp morali tal-minuri. Il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Ewropej kellha diversi laqgħat ta’ djalogu ma’ rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea biex inkiseb dan ir-riżultat pożittiv.

Id-Direttiva tinkludi wkoll regoli ġodda fuq il-protezzjoni tal-minuri minn kontenut fuq pjattaformi ta’ filmati li jista’ jagħmel ħsara lit-tfal.  Dan il-pass hu apprezzat ħafna.

Sfortunatament, mis-soluzzjoni oriġinali proposta mill-Kummissjoni Ewropea, il-projbizzjoni ta’ programmi li jkun fihom pornografija jew vjolenza bl-addoċċ, inbidlet u flok projbizzjoni assoluta issa hemm regoli stretti biex jixxandar dan it-tip ta’ kontenut.

Fid-dawl ta’ din il-miżura li ma tasalx biżżejjed għal dak mixieq, il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Ewropej qed tinkoraġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri aktar stretti minn dawk indikati fid-Direttiva biex tkun assigurata l-akbar protezzjoni għall-iżvilupp morali tal-minuri.