​“Protezzjoni akbar għall-whistleblowers”- David Casa

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa qal li “Whistleblowers li jieħdu azzjoni fl-interess pubbliku għandhom jiġu protetti fl-UE. Għadd ta’ stati membri għad m’għandhomx liġijiet li jipproteġu lill-whistleblowers u dawk li għandhom, f’ħafna każi, ma jinfurzawx il-liġi b’mod addattat.”
David Casa, li hu l-Koordinatur tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, qal dan wara l-adozzjoni ta’ dossier li ħa ħsieb li jitfassal dwar il-Protezzjoni tal-Whistleblowers. Dan id-dossier ġie approvat b’appoġġ qawwi ta’ 50 vot favur u żewġ astensjonijiet.
Ix-xogħol tiegħu segwa każi riċenti f’Malta fejn whistleblowers li “kixfu l-korruzzjoni tal-Gvern”, spiċċaw attakkati.
Spjega li min jikxef fejn ikun qed isir abbuż jista’ jkun qed jieħu riskji personali kbar. Għalhekk appella li jkun hemm ċertezza legali fl-Unjoni Ewropea kollha.