Protesti waqt Quddiesa ta’ ħatra ta’ Arċisqof fiċ-Ċilì

Protesti u vjolenza fit-toroq taċ-Ċile. (Photo by Pedro UGARTE / AFP) (Photo by PEDRO UGARTE/AFP via Getty Images)

Waqt il-Quddiesa li saret ftit jiem ilu f’Santiago, iċ-Ċilì li fiha Mons. Celstino Aòs kellu jinħatar Arċisqof tal-kapitali Santiago, għadd ta’ persuni ntasbu quddiem id-dħul ewlieni tal-knisja u xerrdu gass tad-dmugħ fuq iz-zuntier.

Fuq Instagram il-grupp “portadasonada” li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala grupp ta’ media indipendenti, poġġa video ta’ dan l-inċident u qalet li dan sar biex jikkundanna lill-ogħla awtoritajiet tal-Knisja Kattolika fil-pajjiż għas-silenzju u l-kompliċita tagħha mal-Gvern.

In-Nazzjonijiet Magħquda wissiet li hemm evidenza ta’ ksur sfaċċat ta’ drittijiet umani li twettaq mill-pulizja u l-militar fiċ-Ċilì minn Ottubru ‘l hawn. Dan jinkludi każi ta’ użu ta’ forza eċċessiva li xi drabi wasslet għal qtil jew ferimenti gravi, tortura, stupri u arresti arbitrarji.

Protesti

F’Ottubru bdew il-rpotesti kontra l-Gvern f’Santiago kontra ż-żjieda fin-nollijiet tas-subways, il-prezz tal-kura medika u l-inugwaljanza.  Il-protesti xterdu f’reġjuni oħra.

Diversi kbejjes madwar iċ-Ċilì sfaw attakkati, sakkeġġjati u ngħataw in-nar waqt li kienu għaddejjin il-protesti kontra l-Gvern.

Il-gazzetta “La Tercera” rrappurtat li Ignacio Sanchez, ir-Rettur tal-Università Kattolika Pontifiċja taċ-Ċilì li kien preżenti għaċ-ċerimonja tal-istallazzjoni tal-Arċisqof il-ġdid qal li ra persuna jifrex xi bottijiet żgħar fl-art li dehru qishom reċipjenti tal-gass tad-dmugħ. Hu lmenta li “n-nies donnhom ma jafux li l-libertà  fil-knisja titlob rispett, u mħieba etika bażika”.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-aġenzija tal-aħbarijiet “Kairos News” xandret ittra tal-grupp tal-lajċi ta’ Valparaiso “Paċi u Ġustizzja” lil sħabhom f’Santiago fejn għamlu riferenza għall-inċident tal-gass tad-dmugħ u kkwotaw lill-Profeta Ġeremija u appellaw lill-Isqfijiet f’Santiago biex jitkellmu dwar is-sitwazzjoni gravi ta’ ksur tad-drittijiet umani li qed iseeħufil-pajjiż.

F’diversi okkażżjonijiet l-Isqfijiet appella lill-qawwiet tas-sigurtà biex jirrispettaw id-drittijiet umani. F’Ottubru li għadda, ftit wara li bdew il-protesti fil-pajjiż  kienu qalu li “magħquda fid-dulur mal-qraba ta’ dawk li tilfu ħajjithom u li sfaw feruti, nappellaw kemm lil dawk li qed jieħdu sehem fid-dimostrazzjonijiet kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti  biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u jitrattaw sew lil dawk li huma arrestati”.

Drittijiet umani

Aktar tard, f’Novembru, l-Isqof Aòs li dak iż-żmien kien Amministratur Apostoliku ta’ Santiago kien qal li “ma nippruvawx niġġustifikaw il-vjolenza, il-vjolenza dejjem hi ħażina u twassal għal aktar vjolenza”. Kien anke appella biex ikun hemm Patt Soċjali u għal tibdil strutturali, personali u kostituzzjonali biex tkun rimedjata l-kriżi fil-pajjiż.

Fl-Omelija li għamel fil-11 ta’ dan ix-xahar, meta nħatar Arċisqof Aòs qal li “l-pajjiż għaddej minn żminijiet imqanqla, firda u attakki”, u wissa’ li “il-firda, l-inġustizzja, il-gideb u l-vjolenza imorru kontra l-fidi nisranija u l-impenn tagħna bħala nies mgħammda”.

“Ebda nisrani ma jista’ jibqa’ jħares. Ma nistgħux niċċensuraw u nikkundannaw imma għandna nistqasu lilna nfusna: ‘x’inhi r-rieda t’Alla għalija?’ jew ‘x’kien jagħmel Kristu li kieku kien jien?’”