Jinqatlu żewġ persuni fil-Venezwela f’jum il-votazzjoni

Fil-Venezwela nqatlu kandidat għall-elezzjonijiet tal-assemblea u membru attivist tal-Oppożizzjoni.
Dan hekk kif illum bdiet il-votazzjoni fil-Venezwela biex tkun eletta assemblea ġdida li jkollha l-poter biex tbiddel il-kostituzzjoni tal-pajjiż.
Flimkien ma’ dawn il-kandidati nqatlu żewġt irġiel oħra waqt il-protesti.
L-oppożizzjoni qalet li mhix se tivvota bi protesta għax temmen li din hi mossa biex biha l-President Nicolas Madura jikseb aktar poter.
Il-Gvern qal li din l-assemblea hi l-unika soluzzjoni biex jerġa’ jirrenja l-paċi fil-pajjiż wara xhur twal ta’ protesti vjolenti.
Lejliet il-votazzjoni dimostranti ħarġu jimblukkaw it-toroq li jwasslu għal belt kapitali biex jisfidaw l-liġi li tipprojbixxi li jsiru dimostrazzjonijiet.
Nicolas Madura qal li qed jistenna rebħa kbira u sejjaħ il-vot bħala l-aktar wieħed importanti fis-sistema politika tal-Venezwela.