Protesti vjolenti fiċ-Ċili wara żieda fil-prezzijiet tal-metro

Il-belt kapitali taċ-Ċili Santiago ddikjarat stat ta’ emerġenza hekk kif ħraxu l-protesti dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-metro.

Id-dimostranti, li ħafna minnhom huma studenti universitarji Ii jużaw il-metro kuljum, attakkaw stazzjonijiet tal-underground u imblokkaw diversi toroq u kawża t’hekk staġnaw is-sistema tat-trasport ta’ din il-belt. Il-protesti spiċċaw vjolenti bi tfigħ ta’ ġebel lejn karozzi tal-pulizija kif ukoll ħruq ta’ karozza tal-linja. Il-pulizija kellha tuża l-gass tad-dmugħ biex tikkalma s-sitwazzjoni. Minħabba l-ħsarat estensivi li saru, is-servizz tal-metro se jkollu jieqaf għalkollox għal mill-inqas jumejn.

Il-protesti kienu instigati mid-deċiżjoni li n-nollijiet tal-metro jiżdiedu b’mod konsiderevoli waqt is-sigħat li s-servizz ikun qed jintuża l-iktar.

Iċ-Ċili huwa meqjus bħala wieħed mill-iktar pajjiżi sinjuri tal-Amerika Latina iżda teżisti wkoll rata għolja ta’ inugwaljanza. In-nies tal-belt ta’ Santiago, li fiha popolazzjoni ta’ sitt miljuni, ilhom ħafna jitolbu riforma fl-ekonomija minħabba ż-żieda b’rata mgħaġġla fl-għoli tal-ħajja.