Protesti qliel fil-Libanu kontra Trump

Il-forzi tas-sigurtà fil-Libanu kellhom iżommu lin-nies bil-gass tad-dmugħ u l-ilma fl-aħħar minn serje ta’ protesti li skattaw mindu l-President Amerikan, Donald Trump, irrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael il-ġimgħa l-oħra.
Fil-kapitali Bejrut, mijiet ta’ persuni nġabru quddiem l-Ambaxxata Amerikana fid-distrett ta’ Akwar, jitfgħu ġebel u jkebbsu nirien biex jipprotestaw.
Qed jingħad li grupp minnhom qabbad replika ta’ Trump fit-triq.
Il-midja tal-post qed tgħid li xi nies ippruvaw jinvadu l-ambaxxata meta ddendlu mal-gradi tal-ħadid.
Il-protestanti, lebsin ix-xalla sinonima sewda u bajda, bdew ikantaw u jgħajtu bi kliem li jikkundanna lil Trump.
Dal-lejl stqarrija maħruġa minn 22 pajjiż, fosthom ħbieb tal-Istati Uniti, tgħid fost l-oħrajn li minn issa ’l quddiem l-Istati Uniti ma tistax tibqa’ tittieħed bis-serjetà meta titkellem fuq il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Fost il-pajjiżi ħbieb tal-US li ffirmaw ir-riżoluzzjoni hemm l-Arabja Sawdija, il-Ġordan u l-Emirati Għarab Magħquda.
Fil-Libanu hemm eluf ta’ refuġjati Palestinjani li ħarbu minn arthom minħabba l-persekuzzjoni Iżraeljana.