Protesti mill-ġdid fit-Tuneżija u l-Greċja

Fit-Tuneżija, kważi mal-fruntiera mal-Alġerija, reġgħu bdew il-protesti fit-toroq, ftit biss wara ċ-ċelebrazzjoni tal-ħames anniversarju mit-tneħħija tad-dittatur Ben Alì.
Il-protesti huma minħabba n-nuqqas ta’ xogħol hekk kif fl-inħawi ta’ Kessarine, ir-rata tal-qgħad hi kważi d-doppju tal-medja nazzjonali.
Dawn l-inħawi huma wkoll magħrufa għall-militanti ġiħadisti.
Fl-istess ħin, anke fil-Greċja reġgħu bdew il-protesti fit-toroq, kontra l-impatt tal-awsterità, speċjalment fuq it-taxxi u l-pensjonijiet.
Bdiewa għalqu t-toroq, vapuri mblukkaw il-portijiet u pensjonanti pprotestaw fit-toroq. Magħhom se jiżdiedu s-s-sajjieda u r-raħħala.
Ħafna qed jibżgħu li dawn id-dimostrazzjonijiet huma biss il-bidu ta’ sensiela li jerġgħu jipparalizzaw il-pajjiż.