Protesti kontra l-Kardinal Wuerl u favur bidla fil-Knisja

Nies jipprotestaw quddiem il-Kattidral ta' Washington għar-riżenja tal-Kardinal Wuerl

Grupp ta’ madwar 30 persuna, inklużi xi vittmi tal-abbużi sesswali minn membri tal-kleru, ipprotestaw quddiem il-Kattidral ta’ San Mattew f’Washington, nhar il-Ħadd li għadda u talbu għar-riżenja tal-Kardinal Donald Wuerl, biex jieqaf il-ħabi u biex il-lajċi jkunu nklużi aktar fit-tmexxija tal-Knisja.

Wuerl, li kien Isqof ta’ Pittsburgh għal 18-il sena qabel mar Washington fl-2008, safa taħt attakk wara li ħareġ ir-rapport tal-Grand Jury dwar abbużi mill-kleru f’Pennsulvania dwar 70 sena ta’ abbużi f’sitt djoċesijiet f’dan l-Istat.  F’għajnejn ħafna kattoliċi l-kardinal tilef il-kredibilità.

Nhar il-Ħadd li għadda l-Kardinal qaddes il-quddiesa tat-8.30 a.m. fil-Kattidral ta’ Washington u sab lin-nies jipprotestaw kontrih barra l-knisja. Din il-protesta kienet waħda minn sensiela organizzati minn grupp li sejjaħ lilu nnifsu “Kattoliċi għal Azzjoni” li organizza dimostrazzjonijiet simili f’Boston, Chicago, Illinois, Philadelphia, Indiana u Minnesota fost oħrajn. L-iskop tagħhom ma kienx biss dak li jitolbu r-riżenja tal-Kardinal Wuerl.

“Il-Kattoliċi, kemm konservattivi kif ukoll progressivi qed jgħidu li żżejjed kollu żejjed” qal Bob Cooke, pensjonant u konsulent ta’ organiżazzjoni ta’ Paċi u Ġustizzja. “Nittamaw li lħaqna l-punt fejn il-Kattoliċi kollha jimxu fuq is-sejħa tal-Papa Franġisku “biex nieħdu sehem aktar attiv fil-Knisja”.

Fil-protesta ħa sehem Dave Lorenz li ta’ 16-il sena kien abbużat f’Kentucky minn Fr. Earl Bierman, li abbuża minn ħafna u miet fil-ħabs fl-2005. Hu qal li r-riżenja tal-Kardinal Wuerl hi l-ewwel pass. Kull Isqof li pproteġa lil min abbuża għandu jirriżenja għax mhux qed jaqdu dmirhom”.

Dawk li kienu qed jipprotestaw bdew iqassmu flyers lil dawk li kienu ħerġin jew deħlin ‘l quddies, li kienu jikkwotaw mill-ittra li Papa Franġisku bagħat lill-Kattoliċi kollha madwar id-dinja aktar kmieni dan ix-xahar “Ma tajniex każ taż-żgħar: abbandunajnihom”.

Il-grupp ta’ dimostranti kellhom numru ta’ talbiet fosthom ir-riżenja mmedjata tal-kardinal Wuerl; li jitlaqqa’ Sinodu Speċjali tal-Isqfijiet Amerikani biex jeżamina x’wassal għal din il-kriżi, fosthom il-klerikaliżmu, l-esklużjoni tan-nisa u n-nuqqas ta’ responsabbiltà fit-tmexxija. Talbu wkoll biex jinfetħu r-rekords kollha tal-Knisja u li jkun hemm kooperazzjoni ma’ kull invesigazzjoni li ssir f’kull Stat.