Protesti kontra elezzjoni ddiżinjata biex iżżomm lil Putin fil-poter

Il-Kap tal-Oppozizzjoni Russa, Alexei Navalny, flimkien ma’ mijiet ta’ attivisti, ġew arrestati wara li pprotestaw kontra l-President, Vladimir Putin.
Navalny, li ma tħalliex jikkontesta l-elezzjoni kontra Putin, talab lin-nies jipprotestaw f’aktar minn 90 villaġġ u belt, biex jopponu dak li skont Navalny huwa aritoktazija kżarista. 
Putin ġie elett għar-raba’ terminu presidenzjali f’Marzu li għadda, b’iktar minn 77% tal-voti. Din tfisser li Putin hu l-iktar mexxej li dam fil-poter minn żmien id-dittatur Joseph Stalin, li għamel kważi 30 sena jmexxi.
Pavel Kuzmestov, penzjonant ta’ 72 sena qal li hu u dawk kollha li marru jipprotestaw, marru jipprotestaw kontra elezzjoni ddiżinjata biex iżżomm lid-dittatur, kif sejħulu, fil-poter.
Filmat tal-arrest ta’ Navalny, li ġie ippostjat onlajn, juri ħames pulizija iġorruh minn driegħu u riġlejh.
Din mijiex l-ewwl darba li Navalny ġie miżmum mill-Pulizija fuq l-organizzazzjoni ta’ protesti ta’ dan it-tip.
Diversi nies oħra ġew arrestati mill-Pulizija, uħud minnhom b’mod aħrax, filwaqt li dimostranti f’San Pitruburgu ma tħallewx jidħlu fil-pjazza taċ-ċentru tal-belt.
Protesti oħra saru f’diversi bliet fil-pajjiż, inklużi fil-Lvant imbiegħed tal-pajjiż u fis-Siberja.
L-awtoritajiet qalu li l-maġġoranza ta’ dawn il-protesti huma illegali u huwa rrappurtat li l-Pulizija arrestaw iktar minn 350 persuna madwar il-pajjiż.
Ritratt: Reuters