Protesti fl-Amerka għall-pubblikazzjoni tar-rapport dwar l-irwol tar-Russja fl-elezzjoni presidenzjali

REUTERS/Joshua Roberts/File Photo

Mistennija protesti f’Washington u bliet oħra fl-Istati Uniti bl-attivisti jitolbu li jiġi ppubblikat ir-rapport imħejji minn Robert Mueller dwar l-investigazzjoni fuq l-irwol tar-Russja fl-elezzjoni presidenzjali tal-2016. Ir-rapport huwa twil madwar 400 paġna mingħajr l-appendiċi.

L-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti William Barr irċieva kopja tar-rapport ix-xahar li għadda. Huwa qal li se jkun qed jippubblika kopja mnaqqsa tar-rapport ippreparat minn Mueller lill-Kungress Amerikan u lill-pubbliku sa nofs April. L-investigazzjoni ta’ Mueller ħadet 22 xahar biex ġiet fi tmiemha.

Iżda Barr ma laqax it-talba tad-Demokratiċi biex ir-rapport jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu sa nhar it-Tlieta li għadda. Dan wassal biex il-grupp MoveOn joħroġ jipprotesta fit-toroq fl-Amerika.

Il-protesti huma mistennija jsiru quddiem il-White House, f’Times Square f’New York u f’madwar 300 post ieħor madwar il-pajjiż.

Il-Gvern Russu ċaħad li b’xi mod kien involut fil-elezzjoni presidenzjali.