Protesti f’Ruma minħabba l-qgħad

Madwar miljun persuna ipprotestaw f’Ruma kontra r-riformi fl-impjiegi mill-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi.
Il-protesta organizzata mill-akbar unjin fl-Italja, CGIL, kellha l-għan li turi d-disapprovazzjoni għal pjan li Matteo Renzi qabel miegħu, liema pjan jagħmilha aktar faċli lil min iħaddem biex ikeċċi l-ħaddiema.
Hu mifhum li 44.2% taż-żgħażagħ fl-Italja jinsabu bla impjieg.
Ix-xahar li għadda, l-Italja kienet viċin it-tielet riċessjoni f’dawn l-aħħar sitt snin.
Meta indirizzat il-folla, il-kap tal-unjin qalet li trid xogħol għal kulħadd filwaqt li żiedet tgħid li din kienet dimostrazzjoni għal dawk mingħajr xogħol u għal dawk li qed isoffru u li m’humiex ċerti dwar il-futur tagħhom.