Protesta s-Sibt li ġej għal “bidla radikali fil-policies tal-ippjanar”

Read in English.

Il-protesta mmexxija minn Moviment Graffitti li se tkun qed issir is-Sibt li ġej se tkun qed tagħmel numru ta’ talbiet lill-awtoritajiet Maltin, fosthom għal “bidla radikali fil-policies tal-ippjanar.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-għaqda ta’ attivisti għall-ambjent, ġie spjegat li fis-7 ta’ Settembru, se jkunu qed isiru sitt talbiet differenti. Il-protesta se tibda fl-10am minn quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta.

X’inhuma s-sitt talbiet?

Moviment Graffitti qal li ħafna mill-policies tal-ippjanar huma mfassal fuq l-interessi tal-ftit minflok fuq il-ġid komuni u l-ħarsien ambjentali. Se jkun qed jitlob għal bidla fil-policies sabiex jibdew iħarsu l-interessi tal-ħafna, inkluż il-ġenerazzjonijiet futuri. Fost policies semmew li hemm bżonn bidla sabiex ma jkunx hawn bini sfrenat f’ODZ u ma jitħalliex li jkun hawn bini high-rise għoli ż-żejjed.

Il-Moviment qal li l-awtoritajiet responsabbli u l-ippjanar f’pajjiżna għandhom ikunu mmexxija bi trasparenza, responsabbiltà u indipendenza. Qal li mhux aċċettabbli li ċertu gruppi li għandhom saħħa ekonomika jew politika “jitħallew iħarbtu l-ħajjiet u l-ambjent billi ġibdu l-ispag ta’ dawn l-awtoritajiet għall-interessi tagħhom”. B’hekk se jitolbu għal bidliet fil-kompożizzjoni tal-bordijiet, fil-ħatra tal-membri tagħhom u fit-tmexxija tagħhom.

Aqra: Aktar minn 50 grupp se jieħdu sehem fil-protesta tal-Moviment Graffitti

Fejn jidħlu proġetti kbar, il-Moviment qed jitlob sabiex dawn jieqfu sakemm ikun daħal fis-seħħ pjan serju għall-iżvilupp fil-pajjiż li jassigura li dawn il-proġetti jirrispettaw lill-komunitajiet u jkunu sostenibbli.

Il-Moviment irid ukoll sistema li biha l-iżviluppaturi u l-awtoritajiet ikunu responsabbli mix-xogħol li jsir fis-siti tal-kostruzzjoni sabiex jiġi żgurat li dan ma jipperikolax u “ma jħarbatx il-ħajja tan-nies.” Qal li dan jista’ jsir biss jekk l-awtoritajiet ma jagħtux iktar permessi “bl-addoċċ” u jillimitaw in-numru ta’ permessi li jinħarġu kull sena.

Intant, il-Moviment irid ukoll li l-Gvern jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni li jinbnew u jitwessgħu toroq li se jwasslu għall-qerda tas-siġar u minflok jimplementa strateġija li verament tindirizza l-problema tat-traffiku u tat-tniggiż u li din tkun tinkludi investiment serju f’mezzi ta’ trasport alernattiv.

Aqra: “Iż-żejjed kollu żejjed” – Moviment Graffitti bi protesta nazzjonali

L-aħħar talba hija dik sabiex il-Gvern jagħti prominenza lis-saħħa taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet billi jissalvagwardja l-ispazji miftuħa fiż-żoni urbani, it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-abitati naturali biex jiġi evitat it-telf ulterjuri tal-bijodiversità, u l-impenn lejn l-ilħuq tal-miri tat-tnaqqis tal-emmissjoniet.

Sa issa, 60 grupp irreġistra il-parteċipazzjoni għall-protestà.