Il-Gvern Malti jitlob sabiex jikkalmaw l-interventi fil-Libja

Aġġornat 04:45 PM
FILE PHOTO: Members of the Libyan internationally recognised government forces take their positions in Ain Zara, Tripoli, Libya October 14, 2019. REUTERS/Ismail Zitouny

Il-Gvern Malti talab għall-pajjiżi internazzjonali sabiex jikkalmaw l-interventi tagħhom madwar u fil-Libja. Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li jinsab imħasseb bl-aħħar żviluppi fejn tidħol il-kriżi fil-Libja u jafferma l-konvinzjoni tiegħu li soluzzjoni politika u dipplomatika tista’ tintlaħaq biss ibbażata fuq dak li tgħid in-Nazzjonijiet Magħquda.

Qal li s-soluzzjoni għall-paċi, sigurtà, stabbilità u l-prosperità fil-Libja tirrikjedi li jieqad il-ġlied u li ssir implimentazzjoni tal-embargo tal-armi fil-Libja.

Intant, il-Ministeru qal li Malta qed tappoġġja l-Unjoni Ewropea li qalet li fi kwalunkwe żmien, il-komunità internazzjonali għandha titkellem b’vuċi waħda sabiex is-sigurtà tal-poplu Libjan tkun garantita.

Protesta quddiem l-ambaxxata Torka fil-Furjana

Grupp ta’ persuni Libjani nġabru għal protesta quddiem l-ambaxxata Torka fil-Furjana.

Il-protesta bdiet għall-ħabta tal-10am u kienet qed issir wara li l-parlament Tork approva l-liġi li tippermetti truppi Torok sabiex jintbagħtu fil-Libja. Dan ifisser li se jinħoloq periklu kbir fil-pajjiż li jinsab fit-Tramuntana tal-Afrika u li bħalissa fih hemm għaddejja gwerra ċivili. Il-pass tat-Turkija se jkompli jhedded l-istabbilità tar-reġjun, skont dikjarazzjoni maħruġa mill-Greċja, l-Israel u Ċipru.

Il-President Tayyip Erdogan qal il-ġimgħa li għaddiet li t-Turkija kienet se tibgħat truppi fil-Libja sabiex tissapportja lil Government of National Accord ta’ Fayez al-Serraj.

Din il-mossa mit-Turkija ġiet wara li Ankara u l-Gvern rikonoxxut internazzjonalment fil-Libja mmexxija mill-Prim Ministru Fayex al-Serraj, iffirmaw żewġ ftehimiet separati f’Novembru, wieħed għall-kooperazzjoni tas-sigurtà u l-forzi militari u ieħor dwar il-fruntieri marittimi fl-Punent tal-Mediterran. Dawn qajmu rabja fil-Greċja, l-Israel, l-Eġittu u Ċipru.

“Kwistjonijiet politiċi ma jiġux solvuti bl-użu tal-armi” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li jemmen li l-kwistjonijiet politiċi għandhom jiġu affrontati u solvuti madwar mejda u mhux bl-użu tal-armi. Dan id-diskors intqal fid-dawl tal-iżviluppi li hemm għaddejjin fil-Libja.

Fi stqarrija iffirmata minn Carmelo Mifsud Bonnici, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Roselyn Borg Knight is-Segretarja Internazzjonali tal-PN, qalu li l-kunflitt militari fil-pajjiż se jkollu kumplikazzjonijiet ġodda u jidher ċar li hekk ma jsir xejn se jeskala. Qalu li l-interventi militari ta’ stati favur jew kontra l-partijiet involuti mhux se jwasslu għal soluzzjoni fil-paċi imma għal iktar taħwid u ġlied.

Huma nnutaw l-inizjattivi varji li qed jittieħdu fosthom dik li qed tissemma li qed tittieħed fl-Unjoni Ewropea mill-Italja, flimkien mar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja sabiex jkun hemm ftehim. Biss, f’dan innutaw li sfortunatament, ċertament minħabba l-pożizzjoni nazzjonali preżenti, Malta hija kompletament assenti. 

Huma komplew billi fakkru li Malta kien dejjem fuq quddiem f’kull għajnuna u proċess sabiex tingħata għajnuna lill-pajjiżi daqshekk importanti fil-Mediterran. Huma awguraw li tinstab soluzzjoni u ttamaw li l-Gvern preżenti jieħu l-passi neċessarji sabiex hu wkoll ikun parti minn dan il-proċess u mhux maqtugħ barra.