Protesta quddiem il-Qorti mal-wasla ta’ Muscat

Diversi persuni nġabru quddiem il-Qorti jistennew il-wasla tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat bis-sinjali li ntużaw f’għexieren ta’ protesti fix-xhur li għaddew, qabel ma feġġet il-pandemija fil-pajjiż.

Il-protesti li kienu jsiru f’diversi żoni fil-Belt Valletta, inkluż quddiem l-istess Qorti, kellhom jitwaqqfu ħesrem kawża tal-imxija tal-coronavirus li ħasdet mhux biss lil Malta, iżda lid-dinja kollha.

Fiċ-ċentru tal-protesta kkontrollata u fejn tidher iż-żamma tas-distanza fiżika, l-attivista Alessandra Dee Crespo qed iżżomm ritratt tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Intant l-attivisti l-oħrajn madwarha qed iżommu sinjali bi kliem ieħor li fost l-oħrajn jgħid “mafia”, “flixkun inbid bejn il-ħbieb” u “id-deputati tal-gvern kompliċi”.

Dalgħodu Muscat mistenni jixhed fl-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.