Refuġjati jipprotestaw fil-Belt għal drittijiet bażiċi

Madwar mitt refuġjat mill-Eritrea inġabru quddiem Kastilja jipprotestaw kontra n-nuqqas tad-drittijiet tagħhom f’Malta. Fil-filmati li tpoġġew fuq il-midja soċjali jidhru nisa bit-tfal żgħar fuq quddiem nett tal-ġemgħa.

Il-grupp għajtu “m’aħniex refuġjati, aħna umani” waqt id-dimostrazzjoni tagħhom fil-Belt Valletta. Huma għaddew minn Triq ir-Repubblika u Strada Merkanti.

Fost il-kartelluni li kellhom f’idejhom kien hemm min kellu “Ġesu kien refuġjat bħalna”, “Kull ħajja tgħodd, anki ta’ refuġjat” kif ukoll staqsew kemm se jibqgħu f’stat ta’ limbu.

Iktar kmieni dan ix-xahar madwar 120 persuna ġew evakwati minn fuq razzett tal-baqar li kien qed jinkera b’mod abużiv.