Filmat: “L-Att dwar iż-Żwieġ jagħmel ħsara lill-interess nazzjonali” – Beattie

Iċ-Ċermen tal-Koalizzjoni għall-Ħajja, iż-Żwieġ u l-Familja, Philip Beattie, qal li l-emendi tal-Att dwar iż-Żwieġ se jagħmlu ħsara lill-interess nazzjonali, u huma offiża kontra l-ġid komuni.
Waqt id-diskors tiegħu quddiem il-Parlament Malti, Beattie rrefera għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, li skontu ma jafx xi jfissru l-interess nazzjonali u l-ġid komuni.
Appella lil Dr Busuttil sabiex ma jkomplix jinsulenta lill-poplu Malti, jieqaf mill-ħsara li qed jagħmel u jkun koerenti.
Kompla jgħid li l-kliem fl-innu tal-PN ma jixirqux lil min qed jipprova jeqred il-valuri taċ-ċiviltà Nisranija.
Iċ-Ċermen ikkritika wkoll liż-żewġ mexxejja talli ma qalu lil ħadd li kienu se jinbidlu sensiela ta' liġijiet minħabba dan l-abbozz. Beattie semma li se jsir tibdil fil-Kodiċi Kriminali, il-kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-Kodiċi Ċivili, l-Interpretation Act u partijiet oħra ta' liġijiet sussidjarji. 
Żied li dan l-abbozz se jpoġġi lit-tfal fir-riskju tar-ripudjazzjoni, jiġifieri li għal koppja tal-istes sess it-test ġenetiku ma jista' juri qatt li t-tarbija tappartjeni għaż-żewġ ġenituri. Skont Beattie dan ifisser li dawn il-ġenituri jistgħu jirrifjutaw il-manteniment u t-trobbija tat-tarbija konċernata.
Dan id-diskors sar fi tmiem mixja mixja silenzjuża biex issemma’ leħinha “favur iż-żwieġ naturali,” jiġifieri dak bejn raġel u mara.
Il-mixja bdiet fis-7:30pm minn quddiem Kastilja u minn hemm dawk preżenti mxew għal quddiem il-binja tal-Parlament, fid-daħla tal-Belt Valletta.
Preżenti quddiem il-Parlament kien hemm ukoll attivisti favur il-liġi dwar iż-żwieġ gay,
Apparti minn hekk qed iddur petizzjoni biex iż-żewġ partiti jagħtu l-possibilità ta’ vot ħieles lid-Deputati tagħhom.
Dan hekk kif għada, il-Parlament se jkun qed jivvota fuq l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħra.
Dwar dan l-abbozz qamu diversi kontroversji.
Ħafna ma qablux li jitneħħa kliem bħal “omm” u missier” biex minflok jiddaħħal kliem ġeneriku bħal “ġenitur,” jew “konjugi” minflok “mart” u żewġ.”
Kontroversja oħra kienet dwar il-vot ħieles lid-Deputati, wara li d-Deputat tal-Oppożizzjoni Edwin Vassallo vvota kontra l-abbozz kif imressaq mill-Gvern wara t-Tieni Qari tiegħu.
Din spiċċat fuq il-midja soċjali, b’ħafna, fosthom anke eks-Membri Parlamentari jgħidu li kemm il-Partit Nazzjonalista iżda anke l-Partit Laburista għandhom jagħtu l-vot ħieles lid-Deputati tagħhom u dan ma jkunx jgħodd biss għal din il-liġi.
Illum Edwin Vassallo u anke d-Deputat Robert Cutajar ma kkummentawx dwar kif se jivvutaw għada.
Għada s-seduta tibda fis-6:00pm u Newsbook.com.mt se jkun qed jaġġornakom b’dak kollu li se jseħħ matul il-plenarja.
Filmat u Ritratti: Ian Noel Pace