Protesta “kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi”

Miguela Xuereb

Read in English.

L-attivisti ta’ Moviment Graffitti ħabbru li fid-dawl tal-inċidenti li seħħew riċentement fejn numru ta’ djar ċedew minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, se tkun qed issir protesta sabiex jesprimu r-rabja tagħhom “għall-ħakma tal-iżviluppaturi” fil-pajjiż.

Fi stqarrija Moviment Graffitti ħabbar li l-protesta se ssir nhar it-Tlieta 18 ta’ Ġunju u tibda minn ħdejn l-Isptar San Luqa fi Gwardamanġa fis-6pm. Din tingħalaq wara mixja sa quddiem il-kwartieri tal-MDA fi Gwardamanġa stess.

Aqra: “Il-Gvern iwaqqaf l-iskavar; il-Pulizija ma rċevewx struzzjonijiet”

Il-Moviment spjega li ilu żmien iwissi dwar din is-sitwazzjoni. Tenna li l-iżviluppaturi ma jistgħux jibqgħu jagħmlu li jridu għad-detriment tar-residenti li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ storbju, trabijiet, toroq magħluqin, krejnijiet, rimi ta’ skart illegali, perikli u dik li sejħula l-arroganza tal-iżviluppaturi. Sostniet li dan kollu qed isir bil-barka tal-Awtorità tal-Ippjanar. Semmiet li kienu dawn l-inċidenti u l-pressjoni mill-midja li wasslu sabiex il-Gvern jibda jindirizza din il-problema “li nfirxet mingħajr kontroll”.

Aqra: Il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi – Muscat

Il-Moviment Graffitti se jkun qed jagħmel dawn it-talbiet:

  1. Li jieqfu l-ibbulljar u l-arroganza bla qies tal-iżviluppaturi fuq ir-residenti.
  2. Li l-Awtoritajiet ma jagħtux iktar permessi bl-addoċċ, anzi jillimitaw in-numru ta’ permessi li jinħarġu kull sena.
  3. Li l-ħinijiet li fihom isir bini u skavar ikunu aktar ristretti u jkun limitat in-numru ta’ toroq li jingħalqu, kif ukoll in-numru ta’ parkeġġi li jittieħdu mingħand ir-residenti.
  4. Li l-liġi timponi standards diċenti li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti u tal-ħaddiema fuq siti tal-kostruzzjoni.
  5. Li jsir infurzar bis-serjetà u mingħajr eċċezzjoni tal-liġijiet li jikkontrollaw il-kostruzzjoni, sabiex tingħata protezzjoni u dinjità lill-ħaddiema u lir-residenti.
  6. Li tittieħed responsabbiltà għal dan l-isfreġju li qed isir fil-pajjiż speċjalment meta jsiru inċidenti bħal ma diġà seħħew. Qalu li s’issa kulħadd ħasel idejh mir-responsabbiltajiet.

Aqra: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

“Naqblu li l-istħarriġ ġeoloġiku u ġeo-tekniku jsir mandatorju” – FAA

Fi stqarrija, l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar sostniet li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jissospendi t-twaqqigħ u l-iskavar b’mod temporanju ġiet tard wisq. Intant laqgħet il-proposta li l-istħarriġ ġeoloġiku u ġeo-tekniku jsir mandatorju għax-xogħol kollu ta’ skavar. L-FAA talbet għall-introduzzjoni ta’ testijiet li jsiru fuq id-durabbiltà tal-konkrit hekk kif jemmnu li ħafna mill-binjiet residenzjali li qed jinbnew bħalissa se jaffaċċjaw problemi kbar daqs 30 jew 40 sena oħra.

Aqra: Sospensjoni skavar: Għandha bażi legali?

L-għaqda sostniet li minkejja li l-awtoritajiet qed jippruvaw jippuntaw is-swaba lejn il-periti, il-Gvernijiet injoraw bosta drabi t-talbiet għar-riforma tar-regolarizzazzjoni tal-bini mill-2007, inkluż it-talbiet mill-Kamra tal-Periti.

 Aqra: Filmat: “Se nispiċċaw inmorru l-preċett tan-neputija bix-shorts u t-tshirt?” – residenta mbikkma