Jipprotestaw kontra l-estensjoni tal-AUM

Facebook - Azzjoni: Tuna Artna Lura

Read in English.

Illejla se ssir protesta kontra l-estensjoni tal-Kampus tal-Università Amerikana f’Malta (AUM) fil-Kottonera. Din il-protesta se tieħu forma ta’ serata ta’ mużika, storja u letteratura li tiċċelebra l-wirt Malti li qed jinsistu li jiġi protett.

Din il-protesta bdiet minn petizzjoni minn grupp ta’ azzjoni ċivili bl-isem ta’ “Azzjoni: Tuna Artna Lura/ Action: Give us Back our Land”.

Is-serata se ssir bejn is-7pm u l-10pm, fit-taraġ tal-ewwel baċir ta’ Bormla. Se jkun hemm facepainting sakemm ikun hemm prestazzjoni ta’ qniepen sinkronizzati madwar il-Kottonera. Barra minn hekk, se jkun hemm qari minn Ġorġ Peresso, daqq ta’ vjolin minn Reggie Clews u poeżija ta’ Immanuel Mifsud. Ukoll, se jkun hemm preżentazzjoni tal-istorja minn John Vella ta’ Bir Mula, mużika ta’ Rhys Fiteni, qari ta’ test ta’ Simon Bartolo minn Owen Bonnici u mużika ta’ Rachelle Deguara.

Aqra: Ir-residenti b’petizzjoni kontra l-estensjoni tal-proġett tal-Università Amerikana

Il-protesta, immexxija minn residenti tal-Kottonera, qed tisħaq kontra telf ta’ spazju pubbliku miftuħ, telf ta’ bini ta’ wirt storiku u veduti storiċi, kif ukoll tikkunsidra l-estetika. Dan għaliex d-disinji u l-għoli tal-binja proposti skonthom ma jżommux mal-linji gwida taż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana.

Aqra: ‘Ċaqalqu l-bini tad-dormitorju tal-Università Amerikana’ – FAA

Aqra: Id-dormitorju m’għandux isir għad-detriment tar-residenti Sengleani – Kunsillier tal-PN

Fil-petizzjoni, huma jitolbu lill-Awtorità tal-Ippjannar biex tirriġetta l-applikazzjoni. Ħeġġew ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat, flimkien ma’ ministri u membri parlamentari tad-distrett biex jitervjenu.

Aqra: Se jżid il-problema ta’ parkeġġ – il-Kunsill dwar il-proġett propost mill-AUM

X’seħħ qabel?

L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat il-pjanti kurrenti għall-AUM li jikkonsistu f’kumpless ta’ erba’ sulari u parkeġġ taħt l-art mibni fuq il-parkeġġ li hemm ħdejn il-grada li tagħti għall-Isla. Minflok, id-Direttorat irrakkomanda lill-Università li tippreżenta applikazzjoni ġdida għall-blokka.

Aqra“4 sulari oħra għall-AUM ta’ detriment għall-madwar” – PA; deċiżjoni f’Settembru

Barra minn hekk, ftehim li ġie ffirmat f’Marzu li għadda bejn l-Università Amerikana f’Malta (AUM) u l-Arkansas State University (ASU) ġie ffriżat peress li qam tħassib dwar it-tkeċċija ta’ kważi l-għalliema kollha tal-AUM is-sena l-oħra.

Skont l-Arkansas Democrat Gazette, l-AUM mhix università Amerikana. Is-sid tagħha hija kumpanija tal-kostruzzjoni mill-Ġordan. Skont uffiċjali, hija università ta’ stil Amerikan, u l-membri fil-fakultà għandhom kwalifikazzjonijiet minn universitajiet Amerikani.

Aqra: Università Amerikana f’Malta: Wieħed mill-ftehimiet iffriżat wara tħassib – rapport