Protesta fil-Belt nhar is-Sibt

Miguela Xuereb

Read in English.

Repubblika se tkun qed torganizza protesta nhar is-Sibt li ġej fil-Belt Valletta. Nhar is-Sibt jaħbat ukoll is-16 tax-xahar fejn tiġi organizzata l-velja  li tfakkar lil Daphne Caruana Galizia u tesiġi verità u ġustizzja, għaliha u għax-xogħol ġurnalistiku tagħha.

Fi stqarrija, il-membri ta’ Repubblika qalu li għalkemm Keith Schembri jista’ juża’ d-drittijiet personali tiegħu biex jaħrab li jixhed fil-Qorti iżda bħala uffiċjal pubbliku għandu jirriżenja minnufih jew jitkeċċa mill-Prim Ministru.

Reġgħu fakkru kif wara l-elezzjoni li tatu l-poter, Keith Schembri waqqaf kumpanija fil-Panama. Spjegaw li din hija l-istess kumpanija li kellha “business plans” ma’ 17 Black li hija ta’ Yorgen Fenech. Dan filwaqt li qalu li Yorgen Fenech stagħna bl-appalt pubbliku tal-Electrogas.

“Ma’ dawn it-tnejn Chris Cardona u Edward Scicluna huma suspettati f’inkjesta kriminali li stagħnew meta biegħu sptarijiet pubbliċi lill-privat”, sostnew Repubblika.

Il-protesta għall-verità u l-ġustizzja se tibda minn quddiem it-Teatru l-Antik nhar is-Sibt fis-7pm lejn lejn Pjazza l-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta fejn ikun hemm velja bi protesta.