Protest il-Qorti kontra Borg minħabba l-istat ta’ triq fir-Rabat

Vetturi ma jistgħux jgħaddu sew mit-triq filwaqt li l-bankina żgħira wisq - residenti

Read in English.

Wara xhur jissaportu, 24 residenti mir-Rabat Malta fetħu protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għat-Trasport Ian Borg b’tama li l-awtoritajiet jagħtu kas is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Il-persuni li fetħu l-protest huma resident fi Triq Ġorġ Borg Olivier jew fiż-żona tal-madwar. Qalu li matul l-aħħar snin għamlu diversi lmenti formali u informali dwar kif l-użu tat-triq qed jimpinġi fuq is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Fil-protest tagħhom qalu li t-triq mhix adegwata bħala triq arterjali b’karreġġjati opposti – waħda lejn kull naħa. Dan għax l-istruttura tagħha ma tiflaħx għat-traffiku peress li mhix wiesgħa biżżejjed.

Qalu wkoll li l-bankini mhumiex wesgħin biżżejjed biex ikunu siguri.

“Mit-triq jgħaddu karozzi tal-linja fiż-żewġ direzzjonijiet u li meta dawn jiltaqgħu kontra xulxin ma jkunux jistgħu jgħaddu bil-konsegwenza li, anke f’dal-każ, ikollhom jitilgħu fuq il-bankini.”

Skont il-protestanti, il-konċentrazzjoni ta’ vetturi qed twassal għal tniġġis tal-arja.

Ir-residenti kellhom laqgħa ma’ Transport Malta f’Awwissu tal-2017. Il-membri tal-bord tas-sigurtà tat-toroq allegatament qablu quddiem ir-residenti li din it-triq kellha ssir one way għal żmien ta’ prova bl-għan li ssir hekk permanenti.

“Minkejja dawn id-dikjarazzjonijiet quddiem ir-residenti protestanti dawn ma ġewx ivverbalizzati fil-minuti tal-laqgħa u issa l-awtoritajiet intimati qegħdin jinnegaw li huma ddiskutew jew ħadu deċiżjoni f’dan ir-rigward.”

Fl-aħħar ta’ Ottubru tal-2017, resident minnhom staqsa lil Transport Malta għalfejn ma kienx beda l-istudju. Dakinhar stress qalulu li l-kwistjoni kienet qed tiġi indirizzata.

“Minkejja li din id-dikjarazzjoni, sentejn wara s-sitwazzjoni dwar is-sigurtà tar-residenti baqgħet l-istess u r-residenti protestanti qatt ma ġew infurmati jekk l-istudju li kien imwiegħed sarx u x’irriżulta minnu.”

Ir-residenti qalu li x-xogħlijiet ġodda li qed isiru fit-triq mhux se jtejbu s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti. Dan ħlief għar-rikostruzzjoni tal-bankini.

Però r-residenti qalu li l-bankini mhux qed isiru kif suppost. Ikkwotaw liġi li tgħid li dawn ma jistgħux ikunu idjaq minn 1100 millimetru (ftit aktar minn metru) u mhux inqas minn 915 millimetru (91.5 ċentimetru) f’każ ta’ ostakli li ma jistgħux ikunu itwal minn żewġ metri.

Ir-residenti qalu li l-wisa’ medja tal-bankina hi ta’ madwar 80 ċentimetru. F’ċertu postijiet hi wiesgħa 20 ċentimetru. Spjegaw li dan mhux biżżejjed għal siġġu tar-roti jew pushchair.

Kelliem għal Infrastructure Malta qal lil Newsbook.com.mt li l-bini mill-ġdid ta’ kull triq jinkludi t-tneħħija tal-wiċċ eżistenti, il-bdil jew it-tisħiħ tal-pedamenti u t-tibdil u t-tisħiħ ta’ servizzi tad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma, elettriku, Internet u telekomunikazzjoni, kif ukoll tas-sistemi tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xita li jkunu għaddejjin minn taħt it-triq, skont il-ħtieġa. Infrastructure Malta qed tirranġa, twessa’, tibni, jew tibni mill-ġdid ukoll il-bankini, skont kif ikun meħtieġ u skont l-ispazju tat-triq. Il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt isir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi.

“Għaldaqstant, qabel jinbdew ix-xogħlijiet, Infrastructure Malta qiegħda tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex bħala parti mill-ħidma tagħha f’kull triq, ittejjeb jew tibdel, skont il-bżonn, is-servizzi tad-distribuzzjoni tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li jkun hemm fl-istess inħawi. Fil-każ ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat, kien hemm bżonn li jinbidlu s-sistemi kollha li hemm għaddejjin taħt it-triq.”

Skont il-kelliem, “billi din it-triq hija twila madwar kilometru u kien hemm il-ħtieġa li jitħaffru ammont kbir ta’ trinek biex jinbidlu kwantità kbira ta’ servizzi ta’ kull xorta li hemm għaddejjin taħt l-art, kif ukoll jinbnew bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tul it-triq kollha, ix-xogħlijiet meħtieġa kienu ħafna aktar estensivi minn dawk ta’ toroq oħrajn. Għalhekk ġew ippjanati biex isiru f’erba’ fażijiet. B’hekk it-triq qatt ma tingħalaq kompletament u jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-isfidi li inevitabilment jinħolqu meta jsiru xogħlijiet estensivi bħal dawn, kemm għar-residenti u s-sidien tal-ħwienet f’din it-triq, kif ukoll għal dawk li jivvjaġġaw minnha ta’ kuljum.”

Il-kelliem qal li “fix-xhur li għaddew tlestew ix-xogħlijiet fl-ewwel u t-tieni fażi tat-triq. Bħalissa x-xogħol qed jissokta fit-tielet u r-raba’ fażi, fin-nofs tat-triq man-naħa tas-Saqqajja. Meta l-bini mill-ġdid tat-triq u s-sistemi kollha tagħha jkunu saru, it-triq kollha tingħata l-aħħar kisja asfalt minn tarf sa tarf biex titlesta kompletament. Sakemm ma jinqalgħux diffikultajiet mhux mistennija, huwa previst li x-xogħol kollu f’din it-triq ikun lest sa tmiem is-sena.”

Wieħed mir-residenti li xtaq jibqa’ anonimu qal lil Newsbook.com.mt li ilhom jgħixu f’żona ta’ kostruzzjoni għal erba’ xhur sħaħ. Qal li t-trinek li tħaffru ġew mgħottija malajr u t-triq infetħet nhar il-Ġimgħa li għaddiet.

“Nissuspettaw li t-triq infetħet biss għall-Mdina Grand Prix,” qal ir-resident li żied jgħid li eżatt wara t-triq se terġa’ tinqala mill-ġdid. Spjega li r-residenti ma ġew infurmati b’xejn.

Il-protest ġudizzjarju nfetaħ kontra Transport Malta, il-Ministru għat-Trasport, id-Direttur Ġenerali għat-Trasport, il-Kummissarju tal-Pulizija, Infrastructure Malta, il-Local Enforcement System Agency (LESA), u l-Kunsill Lokali tar-Rabat (Malta).

Sid ta’ ħanut fir-Rabat Malta qal li qed jitlef madwar €300 f’bejgħ kull ġimgħa minħabba t-tiswijiet li qed isiru fi Triq Ġorġ Borg Olivier.

Filmat: ‘Qed nitlef €300 f’bejgħ fil-ġimgħa’ – sid ta’ ħanut fir-Rabat

Filmat: Facebook – Ian Vassallo