Protest ġudizzjarju mill-PN dwar il-voti u ċ-ċittadinanza

Il-Partit Nazzjonalista ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Kummissjoni Elettorali u l-aġenzija tal-Gvern Identity Malta minħabba li skont is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, “Identity Malta ilha 18-il xahar ma tippreżenta l-lista ta’ ċittadini li potenzjalment għandhom id-dritt tal-vot” lill-Kummissjoni Elettorali.
Clyde Puli qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti fejn sostna li Identity Malta qed tikser il-liġi u spjega li dan huwa abbuż tal-poter minn entità governattiva u tfixxkil tat-trasparenza fil-proċess elettorali.
Il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li Identity Malta ilha taħbi informazzjoni importanti dwar dawk bi dritt għall-vot, u qed tagħżel deliberatament li tgħaddi lill-Kummissjoni Elettorali l-informazzjoni li trid hi biss.
Puli qal li l-Partit Nazzjonalista kellu jirrikorri għall-Qorti minħabba li dan kollu ma jagħtix serħan il-moħħ dwar il-proċess elettorali.
Qal li l-Partit Nazzjonalista għandu 18-il xahar ta’ informazzjoni nieqsa għalhekk qed jitolbu lill-Gvern biex jagħmel l-aġġustamenti meħtieġa biex jiġi konformi mal-liġi.
Spjega li l-liġi tgħid li kull xahar, Identity Malta għandha tgħaddi l-lista sħiħa bl-informazzjoni dettaljata lill-Kummissjoni Elettorali biex din tal-aħħar tagħtiha lill-partiti politiċi għall-iskrutinju tagħhom.
Semma wkoll li l-protest ġudizzjarju tal-lum huwa l-aħħar minn sensiela ta’ inizjattivi li ħa l-PN biex jikseb din l-informazzjoni, inkluż b’ittri liż-żewġ entitajiet u b’laqgħa mal-Kummissarju Elettorali.
Fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u Ċittadinanza, il-Gvern qal li qed jimxi skont il-liġi tal-Individual Investor Programme li għaddiet mill-Parlament Malti u li kienet approvata wkoll mill-Kummissjoni Ewropea, u li tistipula li l-lista ta’ persuni li jsiru ċittadini permezz tal-IIP tiġi ppubblikata darba fis-sena. Sostna li b'dan il-protest ġudizzjarju, l-Oppożizzjoni qed tibqa’ kontra kull investiment li jersaq lejn pajjiżna.