Protest ġudizzjarju kontra l-PN dwar il-co-option ta’ Debono

Infetaħ protest ġudizzjarju kontra l-Partit Nazzjonalista li permezz tiegħu ntbagħtet nota lill-istess partit biex jiġi kkanċellat il-vot li bih Jean Pierre Debono ġie magħżul biex jieħu post David Stellini fil-Parlament.

AQRA: “Għandha tinġarr responsabbilità politika’ – MŻPN

Il-protest ġudizzjarju ġie ppreżentat quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili minn żewġ votanti minn Għawdex li qed jikkunsidraw jieħdu passi legali kontra l-Partit Nazzjonalista jekk dan ma jħassarx l-votazzjoni tas-Sibt.

AQRA: Aġġornata: Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

AQRA: Aġġornata: Is-siġġu parlamentari ta’ Għawdex insteraq b’qerq – l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN

Mariella Mercieca u Daniel Cilia argumentaw li l-Partit Nazzjonalista kisru l-liġi elettorali, l-ispirtu tal-kostituzzjoni kif ukoll l-istatut tal-istess partit bil-mod li bih ittieħed il-vot.

David Stellini li kien tela’ f’elezzjoni każwali li saret wara li Marthese Portelli ġiet eletta minn żewġ distretti u ċediet it-tlettax-il distrett. Huwa kkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew iżda ma telax. Iktar kmieni l-ġimgħa l-oħra ħabbar li se jkun qed jirriżenja u jmur lura lejn ix-xogħol li kellu fi Brussell qabel ma ġie Malta.

Dan wassal biex il-Kumitat Eżekuttiv fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ħa vot dwar min għandu jieħu post Stellini. Għal din l-elezzjoni ppreżentaw ruħhom Jean Pierre Debono li kien ċeda s-siġġu tiegħu fuq is-seba’ distrett biex tela’ Adrian Delia fil-Parlament meta dan sar kap, u Kevin Cutajar li kien ħareġ fuq it-13-il distrett u li kien wara Stellini biex jitla’ fil-Parlament. Debono rebaħ b’żewġ voti. Wara l-laqgħa tas-Sibt irriżenja l-President tal-Kumitat Eżekuttiv Mark-Anthony Sammut li saħaq li minkejja ma kienx involut fl-istrateġija għall-elezzjonijiet ħass li għandu jerfa’ r-responsabbilità filwaqt li appella lil kull minn involut fl-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista jagħmel l-istess wara r-riżultati miksuba fl-elezzjonijiet li għadhom kif għaddew. Iktar tard ħareġ li kien hemm persuni li vvutaw u dawn ma kellhomx dritt għall-vot. Skont sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt il-PN jitlob biex l-co-option ta’ Debono tiġi posposta.

AQRA: Il-PN jitlob biex il-mozzjoni ta’ co-option ta’ Jean Pierre Debono tiġi posposta

AQRA: It-teżorier tal-PN f’kontroversja dwar il-vot tas-Sibt; il-PN iwieġeb

Sammut f’kitba fuq Facebook kien qal li Debono minħabba li huwa l-koordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista huwa jieħu ħsieb affarijiet relatati mal-Kumitat Eżekuttiv, bħal attendenza u listi ta’ persuni eleġibbli biex jivvutaw.

Fil-protest ġudizzjarju, sar l-argument ukoll li l-MP Kristy Debono li tiġi l-mara ta’ Jean Pierre Debono ma kellhix titħalla tivvota dan biex jiġi rispettat l-istatut, il-kodiċi tal-etika kif ukoll prinċipji ġenerali dwar il-kunflitt ta’ interess.

Il-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista ta’ Għawdex ukoll għamel l-argument li l-vot li ttieħed is-Sibt kien qed jikser il-liġi.

Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat mill-Avukati Amadeus Cachia u Damian Cassar minn Franco Debono & Associates.